Michael Fenech Adami jivvota kontra Delia f'mozzjoni ta' fiduċja

...biex ikun l-unika wieħed fil-Kulleġġ Kunsilliera tal-PN li jmur kontra Adrian Delia - Numru ta' kaxxi b'T-shirts għall-attivitajiet tal-Occupy Justice jinstabu fil-kantina tad-Dar Ċentrali 

Il-faċċata tal-gazzetta ILLUM
Il-faċċata tal-gazzetta ILLUM

Din il-gazzetta tinsab f’pożizzjoni li tiżvela illi Michael Fenech Adami, iben l-eks PM u Kap Nazzjonalista Eddie Fenech Adami kien l-uniku membru tal-Kulleġġ Kunsilliera Partit Nazzjonalista li vvota kontra l-Kap tal-PN Adrian Delia f’vot ta’ fiduċja li sar ftit jiem ilu fost il-membri tal-istess Kulleġġ.

Is-sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu illi dan il-vot ta’ Fenech Adami kontra Delia jiġi fi żmien partikolari. Ftit wara li s-sit illum.com.mt żvela kif ħuh Beppe qed jikkampanja kontra Delia fil-partit u ftit wara wkoll li Fenech Adami nnifsu ma baqax impjegat mal-Partit Nazzjonalista.

Fil-fatt, illum Michael Fenech Adami huwa impjegat biss mal-MEP Nazzjonalista David Casa li wkoll qed iżomm silenzju assolut quddiem l-assedju intern li għaddej kontra l-Kap tal-PN. Ma’ Casa, Fenech Adami jiffirma bħala Michael Fenech kif kienet żvelat din il-gazzetta wkoll nhar il-Ħadd 21 ta’ Ottubru.

Intant sorsi li tkellmu mal-ILLUM żvelaw kif kaxxi sħaħ ta’ T shirts instabu fil-kantina tad-Dar Ċentrali. Dawn it-T shirts kienu se jintużaw għall-attivtajiet tal-Occupy Justice, Kenniesa, Repubblika u dik li kienet in-Network tas-Soċjetà Ċivili. Dawn ilkoll huma kritiċi tat-tmexxija ta’ Delia u talbu għar-riżenja tiegħu bosta drabi, inkluż ġimgħatejn ilu wara li kienu mxerrda filmati ta’ argumenti li Delia kellu ma’ martu u uliedu.

U finalment dawk li tkellmu ma’din il-gazzetta sostnew illi diversi persuni li jaħdmu mal-partit xejn mhuma kuntenti bil-fatt illi d-Dar Ċentrali kienet qed tintuża biex fiha jitpoġġa materjal, probabilment minn Michael Fenech Adami, ta’ għaqdiet li qed jaħdmu biex Delia jitneħħa.

 

Il-flokkijiet li nstabu fid-Dar Ċentrali
Il-flokkijiet li nstabu fid-Dar Ċentrali

More in Politika