Rapport jgħid li l-imħuħ wara l-qtil ta' Daphne ġew identifikati

Skont is-Sunday Times of Malta, l-investigazzjoni identifikat "aktar minn żewġ" persuni Maltin

Skont The Sunday Times of Malta, il-Pulizija Maltija identifikat grupp ta' "aktar minn żewġ," Maltin li jidher li huma l-imħuħ wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Ir-rapport jisħaq li uffiċjali għolja fl-investigazzjoni qalu lill-gazzetta li l-investigazzjoni "tinsab fi stadju avvanzat ħafna," u li s-suspettati ewlenin issa ġew identifikati.

Minkejja dan, għadu mhux magħruf meta tkun konkluża l-investigazzjoni u ma ngħatatx aktar informazzjoni dwar is-suspettati u jekk dawn humiex ġejja mid-dinja politika, tan-negozju jew inkella minn xi ċirku kriminali.

Skont ir-rapport, il-Pulizija tinsab f'kuntatt kontinwu mal-Europol għax hemm ħafna informazzjoni li teħtieġ analiżi aktar profonda. Jidher ukoll li fin-nofs hemm tranżazzjonijiet finanzjarji u evidenza oħra.

Din il-ġimgħa, rapport tal-MEPs li żaru Malta f'Settembru li għadda jgħid li skont il-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, l-investigazzjoni tinsab fi stadju kruċjali u li jinsab ċert li se tħalli r-riżultati.

Caruana Galizia nqatlet b'bomba fil-karozza nhar is-16 ta' Ottubru 2017. 

Alfred u George Degiorgio, flimkien ma' Vince Muscat qed ikunu akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

More in Politika