Il-Kummissarju ċert li l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne se tagħti r-riżultati

L-Ewroparlamentari li ġew Malta f'Settembru li għadda jippubblikaw ir-rapport taż-żjara tagħhom f'Malta

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tinsab fi "stadju delikat" u jinsab ċert li se tkun qed tagħti r-riżultati.

Dan intqal f’rapport maħruġ mill-MEPs li f’Settembru li għadda ġew Malta jistaqsu dwar l-investigazzjoni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u anke dwar is-Saltna tad-Dritt.

Skont dan ir-rapport, il-Kummissarju assigura lill-Membri Parlamentari Ewropew li ttieħdu l-passi kollha neċessarji biex ikun assigurat li kollox isir taħt is-superviżjoni tal-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta.

Insista li l-Pulizija għandha sezzjoni sħiħa li qed taħdem dwar dan il-każ u li l-Europol għandha aċċess għal dak kollu li jinstab.

Mistoqsi dwar jekk il-persuni li ssemmi Daphna Caruana Galizia fil-blogg tagħha ġewx mistoqsija, il-Kummissarju wieġeb li l-fatt li persuna tkun imsemmija fuq blog mhuwiex biżżejjed biex il-Pulizija tinterrogahom.

L-MEPs ikkonkludew li l-awtoritajiet ma tawx biżżejjed informazzjoni biex ikun ivverifikat il-progress tal-investigazzjoni.

Keith Schembri u Henley & Partners

Ir-rapport jitratta wkoll il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment, b’rappreżentanti ta’ Henley & Partners jgħidu lill-MEPs li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, huwa “l-kuntatt ewlieni,” tagħhom mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Schembri qed ikun investigat wara allegazzjoni li ħa €100,000 f’tixħim minn din l-iskema iżda Henley & Partners insistew li ma għandhom l-ebda kuntratt jew ftehim personali ma' Keith Schembri.

L-Ewroparlamentari kellhom ukoll laqgħa mal-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u waqt li tkellmu dwar l-Avukat Ġenerali, insista li dan għandu wisq poteri li jagħmlu x-xogħol, ta’ kull persuna li jkollha din il-kariga, diffiċli.

Azzopardi insista li l-Avukat Ġenerali u anke l-Kummissarju tal-Pulizija għandhom il-poter li jibdew investigazzjonijiet dwar każijiet ta’ korruzzjoni li tiżvela l-midja.

L-Avukat Ġenerali u Egrant...

Fil-fatt, l-MEPs iltaqgħu wkoll mal-Avukat Ġenerali, Peter Grech u staqsewh dwar għalfejn ma ħax passi fuq rapporti tal-FIAU li ġew 'leaked.'

Grech ikkonferma li hu jista' jordna inkjesta maġisterjali, iżda jista' jagħmel dan biss jekk ikun hemm evidenza soda u li l-poter investigattiv jinsab f’idejn il-Pulizija.

Huwa spjega lill-MEPs li l-proċess jinkludi li l-informazzjoni tinġabar mill-FIAU, tkun investigata mill-Pulizija u wara tgħaddi f’idejn l-Avukat Ġenerali jekk ikun hemm biżżejjed suspett u evidenza.

Skont ir-rapport, Grech iddefenda wkoll id-deċiżjoni tiegħu li jgħaddi kopja tal-inkjesta Egrant lill-Prim Ministru għax fi kliemu l-inkjesta kienet tinvolvi lil dik il-persuna li għandha l-aktar saħħa politika f’Malta.

Insista li l-interess pubbliku kien sodisfatt bil-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-inkjesta.

L-MEPs ikkonkludew li l-pubblikazzjoni tal-inkjesta Egrant huwa kruċjali u l-fatt li membri tal-Gvern għandhom kopja tal-inkjesta sħiħa meta ġew ippubblikati biss il-konklużjonijiet, kompla jhedded il-kunfidenza fil-proċess.

More in Politika