'Keith u Konrad għandhom jirreżenjaw issa stess...u jekk le mhux se nieqfu hawn'

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jgħid illi Muscat qed jagħżel lil dawk qrib tiegħu fuq l-interessi tal-pajjiż...

Il-Kap tal-PN Adrian Delia
Il-Kap tal-PN Adrian Delia

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-aħbarijiet dwar sid il-kumpanija 17 Black il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sosta illi fid-dawl tal-aħħar żviluppi politiċi, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri għandhom jirriżenjaw issa stess.

Hu sostna li jekk dawn ma jirriżenjawx, għandu jkun il-Prim Ministru Joseph Muscat li jġiegħlhom jirreżenjaw. Insista illi jekk Muscat ma jagħmilx dak li skontu jiġri f'kull pajjiż demokratiku u Ewropew, l-Oppożizzjoni "mhux se tieqaf hawn." Delia ma speċifikax x'passi ulterjuri jieħu jekk Schembri u Mizzi jibqgħu fil-pożizzjoni tagħhom. 

Aktar kmieni illum ħarġu rapporti li jiżvelaw kif il-kumpanija 17 Black kienet proprjetà tan-negozjant Yorgen Feneh li inċidentalment huwa wkoll Direttur tal-Eletrogas li kienet responsabbli għall-bini u issa għat-tmexxija tal-Power Station 

Delia qal illi Muscat qed jagħżel lil dawk l-aktar qrib tiegħu fuq l-interessi tal-pajjiż. 

Mal-Kap tal-PN jindirizzaw il-Konferenza kien hemm il-Viċi Kap tal-PN David Agius, il-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono u l-kelliema tal-Oppożizzjoni Mario De Marco u Claudio Grech. 

Ara hawnhekk l-istorja li ħarġet illum dwar is-sid ta' 17 Black, Yorgen Fenech

Il-Partit Laburista jirreaġixxi...

Intant fi stqarrija l-Partit Laburista sostna li l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, għamel konferenza tal-aħbarijiet jitlob ir-riżenji "meta fl-istess nifs kien hu stess li ddikjara li mhux qed jgħid li kien hemm xi ħadd li xaħħam lil xi ħadd."

"Huwa qal ukoll li mhux qed jieħu vanġelu dak irrappurtat u saħansitra żied jgħamilha ċara li rrefera għal dak irrapportat bħala allegazzjonijiet."

IL-Partit Laburista sostna li wieħed għalhekk ma jistax jifhem kif Adrian Delia xorta rrepeta "kantaliena tar-riżenji meta hu stess għamel dawn id-dikjarazzjonijiet li juru li dak irrapportat fil-medija huwa biss allegazzjoni."

More in Politika