Ritratti | Jonxru l-'ħwejjeġ maħmuġa' quddiem Pilatus u jisħqu li Daphne kellha raġun

Dan il-lejl f'Tax-Xbiex attivisti ta' #Occupyjustice naxru ħwejjeġ bi slogans inkluż 'Mafia State'

Attivisti ta’ #Occupyjustice naxru 'l-ħwejjeġ maħmuġin' quddiem il-binja li fiha hemm il-Bank Pilatus, il-bank kontroversjali li lbieraħ tilef il-liċenzja.

“Liar, liar, your laundered pants are on fire,” “#TruthNeverDies,” “Daphne was right,” dawn kienu wħud mill-messaġġi miktuba fuq il-ħwejjeġ mifuxra iżda kien jispikka wieħed bil-kliem ‘Mafia State.’

Dan apparti illustrazzjonijiet oħra, b’pupi tal-playmobile, li juru ħallelin qed jaħarbu.

Fi stqarrija l-grupp qal li l-MFSA ħadet sentejn biex tirrealizza li għandha titlob li tittieħed lura l-liċenzja tal-Bank Pilatus.

Fakkru li f’dawn is-sentejn, is-sid tal-bank Ali Sadr Hasheminejad tħalla jitlaq minn Malta u ġie arrestat fl-Istati Uniti u sadanittant il-ġurnalista li kienet qed tinvestigah inqatlet.

“Il-persuna li mbottat ‘il quddiem biex il-Bank Pilatus jingħata l-liċenzja u jkollu l-bank f’Malta, Keith Schembri, għadu qed imexxi l-pajjiż ma’ Joseph Muscat,” komplew l-attivisti waqt li saħqu li Pilatus intuża minn persuni viċin il-Prim Ministru.

“Mhux se nistrieħu qabel dawn jinġiebu quddiem il-ġustizzja,” insistew l-attivisti.

 

More in Politika