'Wasal iż-żmien biex Delia jitlaq;' Saviour Balzan jara fi Claudio Grech is-suċċessur ideali

L-Editur Maniġerjali ta’ MediaToday Saviour Balzan jappella lil PN biex jaħtaf il-mument qabel ikun tard wisq

L-Editur Maniġerjali ta’ MediaToday, Saviour Balzan, saħaq li jekk il-Partit Nazzjonalista jrid li jerġa’ jqum fuq saqajh u joffri Oppożizzjoni b’saħħitha, Adrian Delia għandu jirriżenja u postu għandu jieħdu d-Deputat Claudio Grech.

Fl-opinjoni tiegħu ta’ kull ġimgħa, Saviour Balzan insista li s-sitwazzjoni li fiha jinsab il-Partit Nazzjonalista ma tawgura tajjeb għall-ħadd u l-għeruq tagħha jinsabu f’dak li seħħ tul dawn l-aħħar snin fil-Partit Nazzjonalista, qabel Delia kien elett kap.

Madanakollu, jinnota wkoll li l-akbar problema li għandu l-Partit Nazzjonalista bħalissa huwa l-kap innifsu.

Waqt li insista li jaċċetta l-fatt li Delia għandu aktar kariżma, huwa aktar aċċessibbli u jitkellem aħjar minn Simon Busuttil, insista li dan ma jfissirx li l-Partit Nazzjonalista qed igawdi.

Balzan insista li l-attakki kontra Adrian Delia qabel sar kap u anke l-allegazzjonijiet li għamlet dwaru Daphne Caruana Galizia, waslu biex tiżviluppa qasma, li fi kliemu “hija rriparabbli,” bejn  il-klassi ta’ Simon Busuttil u dawk in-Nazzjonalisti antiki u aktar tardizzjonali li jaraw lil Delia kap ħafna aħjar minn Busuttil għal politika Maltija.

Claudio Grech jista’ jkun konservattiv, iżda għandu s-serenità ta’ mexxej modern, l-istatura ta’ statestman u anke r-rispett li għandu bżonn persuna biex ibiddel partit

Fil-fatt, jagħmel referenza għal dawk id-drabi li Delia rrefera għal Malta bħala “Kattolika u Latina,” u anke l-kummenti tiegħu dwar l-immigrazzjoni li qed jimbuttahom ‘il quddiem għax jemmen li jista' jolqot niċċa ta' nies li għalihom din id-diska ddoqq sabiħ f'widnejhom.

Iżda taħt dan kollu, ikompli jikteb Saviour Balzan, hemm il-fatt li Delia ddeċieda li joħroġ għal Kap tal-Partit Nazzjonalista minkejja l-Oppożizzjoni tal-familja tiegħu.

“Din kienet bomba lesta biex tisplodi u dawk li ħadmu bla mistrieħ biex jeleġġu lil Adrian Delia kienu jafu li din ma kinitx xi possibbilità remota iżda realtà,” ikompli jikteb Saviour Balzan waqt li insista li Delia ma jmissu qatt daħal għal politika meta kien jaf li l-familja tiegħu kienet kontra.

Saħanistra jkompli jgħid li hemm persuni, viċin Delia, fosthom Pierre Portelli, li minkejja kollox raw kif għamlu biex baqgħu għaddejin bil-pjanijiet tagħhom biex fl-aħħar mill-aħħar jiggarantixxu post vantaġġjuż għalihom fil-Partit Nazzjonalista.

“Adrian Delia forsi ma jimpurtahx daqshekk mill-futur tal-Partit Nazzjonalista imma dan il-pajjiż iva. Irridu Oppożizzjoni li tista’ u eventwalment tkun eletta mill-ġdid biex tiggverna dan il-pajjiż,” kompla Saviour Balzan. “Wasal iż-żmien biex Delia jitlaq u biex il-Partit Nazzjonalista jfittex kap ġdid.”

'Claudio Grech huwa t-tip ta' persuna li l-PN u l-pajjiż għandu bżonn'

Kien hawn, li Saviour Balzan saħaq illi li kieku kellu jagħżel kap minflok Delia, kien jagħżel lil Claudio Grech.

“Jista’ jkun li l-ġimgħa li għaddiet kellu slip of the tongue,’ u jġorr bagalja tqila miż-żmien tiegħu ma’ Austin Gatt, iżda huwa l-eżempju tat-tip ta’ persuna li l-Partit Nazzjonalista u l-pajjiż għandu bżonn,” kiteb Balzan.

Saħaq li l-pajjiż ma għandux bżonn Joseph Muscat ieħor, iżda persuni b’viżjoni differenti dwar kif is-soċjetà għandha tiżviluppa.

Adrian Delia forsi ma jimpurtahx daqshekk mill-futur tal-Partit Nazzjonalista imma dan il-pajjiż iva. Irridu Oppożizzjoni li tista’ u eventwalment tkun eletta mill-ġdid biex tiggverna dan il-pajjiż

“Claudio Grech jista’ jkun konservattiv, iżda għandu s-serenità ta’ mexxej modern, l-istatura ta’ statestman u anke r-rispett li għandu bżonn persuna biex ibiddel partit.”

Saviour Balzan ikompli jikteb: “Jekk l-affarijiet ma jinbidlux, Delia se jieħu l-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet Ewropej u jeleġġi bi żbrixx żewġ persuni, forsi anke MEP wieħed,” iżda jemmen li bi Claudio Grech, wieħed jittama li jkun hemm qawmien naturali ġdid fil-PN u anke trasformazzjoni għall-ġid.

“Grech għandu jqum għal din l-isfida kif għamel Joseph Muscat fl-2008, b’umiltà u b’rispett lejn il-partit oppost. Għandu wkoll iqassam tajjeb il-ħin li għandu biex isib ħin għall-familja iżda anke biex imexxi u jbiddel il-partit.”

Iwissi li jekk il-Partit Nazzjonalista mhux se jaħtaf dan il-mument dan se jkun ifisser it-tmiem tal-Partit Nazzjonalista.

More in Politika