'Twaħħalx fl-għalliema' jgħid il-PN lill-Ministru Scicluna

Il-PN jgħid li l-Ministru tal-Finanzi tefa' t-tort fuq l-għalliema għall-fatt li Malta għandha rata għolja ta' studenti li jitilqu mill-edukazzjoni

"Huwa inaċċettabbli li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna jitfa' t-tort fuq l-għalliema għan-nuqqas ta' pjan tal-Gvern biex jindirizza l-isfidi u d-diffikultajiet fis-settur tal-edukazzjoni."Il-Partit Nazzjonalista sostna dan f'referenza għal kumment li għadda Scicluna f'diskussjoni fuq il-PBS wara li ħabba il-Baġit. Hu qal illi tajjeb li l-għalliema jistaqsu għalfejn Malta għandha l-ogħla rata ta' studenti li jitilqu mill-iskola. 

Statistika dettaljata tal-Eurostat turi kif f'Malta hawn l-ogħla rata fl-Ewropa ta' studenti li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ bi 18.6%, li hija d-doppju tal-medja tal-Unjoni Ewropea ta' 9.6%. Din hija wkoll ferm 'il bogħod mill-mira Ewropea ta' 10%.

"Għal dawn ir-riżultati negattivi ma jaħtux l-għalliema kif implika l-Ministru Edward Scicluna iżda jaħti l-Gvern li m'għandux pjan għall-edukazzjoni, liema nuqqas ta' pjan wassalna sabiex fi żmien sitt snin ta' Gvern Laburista, fl-edukazzjoni qegħdin naraw nuqqas ta' investiment fl-edukazzjoni meta mqabbel mal-GDP."

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern, fil-Baġit, ma ressaq ebda pjan biex jonqos in-numru ta' studenti li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni. "Minflok il-budget reġa' kkonferma li l-Gvern mhux lest li jkompli bl-investiment ta' skola ġdida kull sena, kif kien isir minn Gvernijiet Nazzjonalisti u minflok jipproponi skola ġdida qiegħed jipposponi l-bini ta' skejjel ġodda, filwaqt li jattakka l-professjonalità tal-għalliema bi kritika inġusta u attentati fuq il-warrant tagħhom."

More in Politika