Opinjoni | Min qatt kien jobsor?

Joe Ellis jikteb dwar il-qtil tal-ġurnalisti Jamal Khashoggi u Daphne Caruana Galizia 

Jamal Khashoggi u Daphne Caruana Galizia
Jamal Khashoggi u Daphne Caruana Galizia

Jekk qatt kien hemm ħtieġa li wieħed jara kemm hu perikoluż il-mestier ta’ ġurnalist, dawn il-ġimgħat kellna provi kemm trid. Meta nsemmi ġurnalist, qed ninkludi wkoll min jikteb xi opinjoni f’ġurnal. Rajna wkoll l-impatt illi qtil ta’ ġurnalist ikollu fuq l-opinjoni pubblika u fid-dinja politika. 

Min kien qatt jobsor illi l-akbar kriżi ta’ politika barranija li kellu jaffaċja l-President Amerikan Donald Trump tfaċċat meta ġurnalist Sawdit, Jamal Khashoggi sparixxa wara li daħal fil-konsulat ta’ pajjiżu f’Istanbul? U min qatt kien jobsor illi l-qtil ta’ dan il-ġurnalist qajmet reazzjoni madwar id-dinja ferm superjuri għall-atroċitajiet kollha li l-Arabja Sawdija wettqet fil-Jemen fosthom il-massakru ta’ tfal tal-iskola?

Kif qed nikteb din il-kontribuzzjoni, l-Arabja Sawdija fl-aħħar ammettiet illi Khashoggi kien inqatel fil-konsulat ftit wara li daħal sabiex jieħu l-karti ħalli jkun jista’ jiddivorzja. Tħabbar ukoll illi l-Ġeneral Al-Assiri, favorit tal-prinċep ereditarju Moħamed Bin Salman, magħruf bħala MBS, tkeċċa minn deputat kap tas-servizzi sigrieti Sawditi u illi 18-il persuna ġiet arrestata. Wieħed jassumi illi dawn jinkludi t-tliet aġenti tas-sigurtà personali ta’ MBS illi ġew rrapurtati illi kienu jiffurmaw parti mill-iskwadra ta’ 15-il ruħ illi waslu f'Istanbul dakinhar stess illi Khashoggi kien ser jagħmel iż-żjara tiegħu fil-konsolat.

Dan il-barbariżmu twettaq mill-aqwa espert forensiku Sawdit illi stieden lil min kien miegħu sabiex jitfgħu l-headphones f’widnejhom u jisimgħu l-mużika waqt li hu kien qed iqatta’ ġisem Khasoggi Joe Ellis

Tassew illi d-dettalj ta’ dan id-delitt li ħarġu fuq il-media Torka kienu tassew makabri. Intqal illi Khashoggi ġie assaltat ftit minuti wara illi daħal fil-Konsulat u ġie ttorturat fl-uffiċċju tal-Konslu. Ġie allegat ukoll illi Khasoggi nqatgħulu subgħajh waqt it-tortura u ġie ddrogat, u tqatta’ biċċiet waqt li kienu għadu ħaj. Dan il-barbariżmu twettaq mill-aqwa espert forensiku Sawdit illi stieden lil min kien miegħu sabiex  jitfgħu l-headphones f’widnejhom u jisimgħu l-mużika waqt li hu kien qed iqatta’ ġisem Khasoggi.

Dawn id-dettalji makabri taw in-nar lill-ħuġġieġa ta’ sentiment anti-Sawdi madwar id-dinja bla preċedent. Kellu jkun il-qtil ta’ ġurnalista li ffoka l-attenzjoni tal-opinjoni pubblika dinjija fuq il-ħruxija tar-reġim Sawdi. Ftit kienet ir-reazzjoni tal-opinjoni pubblika għall-atroċitajiet li wettqu s-Sawditi u sħabhom fil-Jemen. U d-dinja tittolera għal żmien twil il-finanzjament Sawdi, kemm pubbliku kif ukoll privat, ta’ moskeji radikali fil-Punent kif ukoll ta’ gruppi radikali fosthom l-ISIS.  Tassew illi s-Sawdi qed jikkooperaw mas-servizzi t'intelliġenza tal-Punent fil-ġlieda kontra l-Iżlam radikali. Min hu f'sensih jaf illi l-Iżlam radikali jaf il-ġenesi tiegħu għall-finanzjament Sawdi, liema finanzjament ukoll sostna ferm il-ġellieda Afgani li eventwalment evolvew fit-Talebani.

Imma kellu jkun dan id-dellitt ta’ ġurnalist skomdu li kien qed jikkritika kontinwament il-politika suppost riformatriċi ta’ MBS illi poġġiet lir-reġim Sawdi u l-isponsors Amerikani tiegħu fi kriżi bla preċedent. Konferenza li għandha ssir il-ġimgħa d-dieħla fl-Arabja Sawdija li ġiet imlaqma “Id-Davos fid-Deżert” spiċċat tiġi bbokjotjata minn bosta, fosthom is-segretarju tat-teżor Amerikan, Steven Mnuchin u Liam Fox, is-segretarju tal-kummerċ barrani tar-Renju Unit. Żewġ alleati tradizzjonali tar-Renju Sawdi spiċċaw jibbokjotaw avveniment importanti fil-programm ta’ riforma Sawdija.

Il-verità hi illi l-qtil ta’ ġurnalist iħalli mpatt daqs, jekk m’hux aktar, mill-qtil ta’ politiku jew ta’ xi mħallef fil-qadi ta’ dmirijietu.  U dan qed narawh f’pajjiżna ukoll. Min kien qatt jobsor illi l-qtil ta’ mara petita li ma kellha l-ebda poter imma illi kellha blog b’segwitu kbir f’pajjiżna jħalli effett daqshekk kbir kemm f’pajjiżna imma anke lil hinn minnu? Tassew nistgħu ngħidu illi l-mewt tal-ebda Malti ma qanqlet reazzjoni u kommozzjoni madwar id-dinja daqs il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Min kien qatt jobsor illi sena wara l-qtil tagħha, l-attenzjoni tad-dinja fuq dan id-delitt u fuq Malta jibqgħu daqshekk intensi?

U jekk vuċi bħalma kienet ta’ DCG jew Jamal Khasoggi tispiċċa maqtula minħabba dak illi tikteb, allura dak hu sinjal ċar illi l-affarijiet mhuma xejn sew f’dak il-pajjiż Joe Ellis

Il-folla mdaqqsa illi nhar it-Tlieta attendiet quddiesa għas-suffraġju ta’ ruħ waħda illi l-inklinazzjonijiet sekulari tagħha kienu ferm ċari u magħrufa u li wara mxiet lejn Misraħ l-Assedju l-Kbir turi kemm DCG għad għandha post fil-qalb ta’ ħafna u ħafna Maltin. Skantajt bid-diversità tal-folla li fiha kien hemm bosta individwi illi ċertament ma kellhom xejn x’jiggwadanjaw bil-preżenza tagħhom hemmhekk. Huma riedu juru r-rispett tagħhom għal persuna illi ssagrifikat kollox inkluż ħajjitha fit-tfittixija personali tagħha sabiex tistabilixxi l-verità.

Dan hu l-punt illi trid iżżomm f’moħħha dik il-parti sostanzjali tal-popolazzjoni, forsi l-maġġoranza assoluta mferrxa fuq l-ispettru politiku, illi lil DCG ma jġerrħuhiex, speċjalment minħabba l-karattru xi kultant personali u spigoluż tal-kitba tagħha. DCG kienet ġurnalista ferm brava, ferm inċisiva u li kienet tifhem sitwazzjonijiet kumplessi f’ħakka t’għajn. Fil-kitba tagħha attakkat bosta nies u għamlet bosta għedewwa u forsi mhux dejjem kien hemm il-ħtieġa illi tkun daqshekk personali.

Imma l-punt fundamentali hu illi pajjiż demokratiku u ċivilizzat irid jittolera ilħna differenti, vuċijiet li jmorru kontra l-kurrent. U jekk vuċi bħalma kienet ta’ DCG jew Jamal Khasoggi tispiċċa maqtula minħabba dak illi tikteb, allura dak hu sinjal ċar illi l-affarijiet mhuma xejn sew f’dak il-pajjiż. Ċertament illi l-qagħda f’Malta hi ferm differenti minn dik fl-Arabja Sawdija. Imma l-fatt illi l-assassinju ta’ DCG seħħ f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea ta riżultat aktar aċċentwat għal dan id-delitt. Jekk wieħed assuma illi l-ġurnalisti fl-UE m’għandhomx riskji minħabba xogħolhom kien evidentement żbaljat.

L-assassinju ta’ DCG - u ta’ kwalunkwe ġurnalist ieħor -  iqanqal il-ħtieġa illi s-soċjetà tagħna, l-istituzzjonijiet tagħna, pajjiżna jirriaffermaw l-importanza vitali f’pajjiż demokratiku tar-rispett għal-libertà tal-espressjoni. Il-ġurnalisti jbatu minn wisq pressjonijiet f’dan il-pajjiż żgħir tagħna ta’ natura politika, ekonomika u soċjetali. Ċertament spiss ikollhom it-tentazzjoni illi joqogħdu lura milli jikxfu l-għatu tal-borom kollha. Għalhekk għandhom jiġu protetti u indukrati. Ma jfissirx illi għandu jkollhom impunità u jiktbu u jħamġu kemm iridu. Imma theddid fiżiku u anke qtil ta’ ġurnalisti huwa totalment inaċċettabli. 

L-anniversarju tal-qtil ta’ DCG għandu jservi bħala ġurnata li fiha nikkommemoraw din il-figura straordinarja li issa qed nindunaw kemm kellha segwitu u appell lil hinn minn pajjiżna. Imma mhux biss. Huwa jum li fih irridu nirriaffermaw il-libertà tal-espressjoni u l-ħtieġa li niddifenduha kontra l-insidji u t-theddid kollha għaliha. U bħala jum għandu jiġi ċċelebrat fl-UE kollha u possibiliment anke lil hinn minnha. Għax kif qed naraw, it-theddid għal-libertà tal-espressjoni huwa preżenti kuljum u kullimkien u mhu qatt ħażin illi nirriaffermaw il-ħtieġa tagħha.

L-aktar ħaġa li dejqietni din il-ġimgħa kienet artiklu fuq is-sit ta’ Deutsche Welle dwar l-isforzi kontinwi tal-gvern Malti sabiex inaddaf is-santwarju spontanju sabiex jikkommemora lil DCG li twieled quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir. U lill-ġurnalist tal-BBC John Sweeney iqabbel dawn l-isforzi mal-isforzi tal-Gvern Russu sabiex inaddaf it-tifkira illi s-sostenituri ta’ Boris Nemtsov ripetutament kienu jagħmlulu fil-post fejn inqatel ftit passi ’l bogħod mill-Kremlin.

Dawn l-isforzi mhumiex ser jirnexxu. Il-memorja ta’ DCG hija skolpita wisq fil-memorja ta’ ħafna Maltin. Ser iservu biss biex ifakkru lil ħafna fit-tendenzi awtoritarji ta’ gvernijiet Laburisti passati, Joe Ellis

Il-pajjiż kollu għandu jkun f’luttu mhux biss għax inqatlet DCG li kienet persuna diviżiva illi mhux kulħadd sfortunatament kellu rispett lejha, Imma għaliex id-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni ġie Inkrinat u mhedded b’mod daqshekk drammatiku u radikali. Dan il-Gvern Malti għandu jirrikonoxxih u għandu jirrispetta x-xewqa ta’ min għandu għal qalbu l-memorja ta’ DCG illi jikkommemoraha b’mod xieraq. Mhuwiex normali illi tinqatel ġurnalista la f’pajjiżna u mkien ħlief fil-pajjiżi l-aktar repressivi jew vjolenti. Għaldaqstant il-Gvern għandu jirrikonoxxi din is-sitwazzjoni partikolari u jieqaf mill-isforzi tiegħu illi jirreprimi u jelimina l-manifestazzjonijiet kollha ta’ niket u rispett lejn il-figura ta’ DCG.

Dawn l-isforzi mhumiex ser jirnexxu. Il-memorja ta’ DCG hija skolpita wisq fil-memorja ta’ ħafna Maltin. Ser iservu biss biex ifakkru lil ħafna fit-tendenzi awtoritarji ta’ gvernijiet Laburisti passati, tendenzi illi wieħed xi kultant jibża’ illi jitfaċċaw mill-ġdid. F’ġieħ is-sewwa, ejjew nikbru. Ejjew nuru aktar maturità politika. Issa daqshekk!

[email protected]

 

 

More in Politika