Ir-raba’ vapur ta’ Għawdex se jkollu jistenna r-riforma tal-Gozo Channel

Il-Ministeru jisħaq li wara li tintemm ir-riforma l-kumpanija tkun f’pożizzjoni aħjar biex timplimenta l-bidliet neċessarji

Id-deċiżjoni dwar l-introduzzjoni tar-raba’ vapur ta’ Għawdex se tkun qed tittieħed wara li jintemm il-proċess ta’ riforma li bħalissa għaddejja minnu l-kumpanija Gozo Channel.

Mistoqsi mill-gazzetta ILLUM ittiħditx deċiżjoni dwar jekk il-kumpanija Gozo Channel hix se tkun qed iżżid il-flotta tagħha, u sa meta hu mistenni li jkun introdott ir-raba’ vapur, kelliem għall-Ministeru għal Għawdex wieġeb biss li “ladarba dan il-proċess ikun konkluż, il-kumpanija tkun f’pożizzjoni aħjar biex tħares ’il quddiem u timplimenta l-bidliet neċessarji.”

Dan minkejja, li fit-23 ta’ Mejju li għadda, il-Ministeru kien qal lil din il-gazzetta li d-diskussjoni dwar ir-raba’ vapur diġà bdiet.

Meta staqsejna fiex waslet ir-riforma tal-Gozo Channel u jekk hemmx indikazzjoni meta din se tkun konkluża, l-istess kelliem qal biss li “l-proċess miexi kif ippjanat.”

Il-bord li qed imexxi r-riforma tal-kumpanija Gozo Channel twaqqaf f’Ġunju li għadda u huwa mmexxi minn David Spiteri Gingell.

L-għan ta’ dan il-bord huwa li l-kumpanija tkun riorganizzata, ikunu amministrati aħjar l-assi tagħha u timplimenta sistema operattiva aktar moderna li tlaħħaq aktar mad-domanda li kulma jmur qed tiżdied.

Kienet il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, li f’Novembru tas-sena li għaddiet ħabbret li l-Gvern qed iħares lejn il-possibbilità li jkun introdott ir-raba’ vapur.

Madanakollu, minn dakinhar ’l hawn, baqa’ mhux magħruf jekk ir-raba’ vapur hux se jkun qed jinbena f’Malta, jinkera jew inkella jinxtara mingħand kumpanija barranija.

X’se jsir mit-terminals?

Il-Ministru Caruana kienet reġgħet semmiet ir-raba’ vapur meta fis-17 ta’ Mejju li għadda kienet qed titkellem fil-Parlament dwar il-kritika li kienet qed tiffaċja l-kumpanija Gozo Channel.

Dakinhar, il-Ministru kienet qalet li l-akkwist tar-raba’ vapur mhux proċess faċli, aktar u aktar għax fi kliemha, it-terminals taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr huma mibnija speċifikament għall-vapuri ta’ Għawdex li ilhom jaqsmu l-fliegu aktar minn 16-il sena.

Caruana kienet saħqet li dan qed jagħmilha diffiċli mhux biss biex jinstab jew jinħadem ir-raba’ vapur, imma anke biex tinbidel il-flotta kollha tal-Gozo Channel.

“Dan ifisser li jekk il-vapuri jinbidlu, trid tinbidel l-infrastruttura kollha tal-port,” kienet saħqet il-Ministru Justyne Caruana.

Madanakollu, din il-gazzetta baqgħet bla tweġiba kull meta staqsiet lill-Ministeru jekk bdewx diskussjonjiet jew jekk hemmx pjanijiet biex jibdew xogħlijiet strutturali fuq it-terminals biex ikunu jistgħu jaqdu aħjar vapuri oħra.

Aktar kmieni dan ix-xahar, l-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema Għawdxin, fost il-proposti tagħha għall-Baġit, ħeġġet lill-Gvern biex iħaffef il-proċess biex jinxtara jew jinkera r-raba’ vapur.

Preżentament, il-kumpanija Gozo Channel għandha tliet vapuri. L-aktar wieħed antik huwa ‘Ta’ Pinu’ li kien varat fis-sena 2000. Fis-sentejn ta’ wara bdew ibaħħru l-vapuri ‘Gaudos’ u ‘Malita.’

More in Politika