Jipproponu li jiżdied is-sussidju u l-leave għall-ħaddiema Għawdxin

L-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta tisħaq li għandhom jiżdiedu l-miżuri li jnaqqsu t-tbatijiet fiżiċi u finanzjarji tal-ħaddiema

L-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta qed tipproponi li fil-Baġit għas-sena d-dieħla jiżdied is-sussidju mogħti lill-ħaddiema Għawdxin bil-għan li dan ikun jirrifletti aħjar l-ispejjeż li dawn għandhom bi trasport u anke qed tisħaq li għandu jiżdied il-leave b’5% biex jagħmel tajjeb għall-ħin mitluf.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qed tipproponi li s-sussidju għall-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta jitla’ minn €1.12 għal €3 biex hekk is-sussidju jitla’ minn €250 għal €720 fis-sena.

L-Assoċjazzjoni saħqet li jekk il-Gvern jaċċetta din il-proposta jkun ifisser li ‘l-purchasing power’ tal-ħaddiema Għawdxin jiżdied b’€470.

Minkejja li jeżisti s-servizz tat-trasport pubbliku, l-Assoċjazzjoni saħqet li l-ħaddiema Għawdxin ma jorbutx ħafna fuqu minħabba biża’ li ma jaslux għax-xogħol fil-ħin. Saħqet li ż-żewġ rotot li jeżistu mill-Belt għaċ-Ċirkewwa u lura, jiġifieri s-67 u 69, jieħdu bejn siegħa u erbgħin minuta u sagħtejn.

Għalhekk ħafna qed jagħżlu li jużaw il-karozza privatea tagħhomn jew inkella jużaw is-servizz tal-Minibuses, iżda hekk l-ispiża għall-ħaddiema hija akbar.

L-Assoċjazzjoni tikkalkula li bis-sussidju preżenti ta’ €250 fis-sena, il-ħaddiema Għawdxin li jużaw il-karozza joħorġu madwar €1,700 minn buthom biex iħallsu għall-ispejjeż tal-fuel u spejjeż oħra.

'Mhux faċli tqum kuljum fil-5:00am'

Apparti minn hekk, il-proposti jinkludu wkoll ‘worker friendly measures’ għall-ħaddiema Għawdxin biex jonqos il-piż tal-ivjaġġar li jgħaddu minnhom il-ħaddiema Għawdxin.

“Mhux faċli li wieħed iqum ta’ kuljum għal sena sħiħa fil-5:00am biex jaqbad il-vapur tas-6:00am,” tisħaq l-Assoċjazzjoni.

Għalhekk qed tipproponi li jkunu riveduti l-linji jwida dwar l-użu tat-Teleworking u ta’ Reduced Working Hours. L-Assoċjazzjoni temmen li l-ħaddiema Għawdxin għandhom:

  • Igawdu b’mod awtomatiku minn din il-miżura
  • Jkun hemm ‘capping’ dwar in-numru ta’ ġranet li fihom ħaddiem jaħdem mid-dar – dawn ma għandhomx ikunu aktar minn jumejn u ta’ tlett ijiem f’każijiet eċċezzjonali.

Proposti oħra jinkludu:

  • Il-karreġġjata lejn iċ-Ċirkewwa titwessa għal żewġ linji minn waħda
  • Jitħaffef il-proċess biex jinxtara jew jinkera r-raba’ vapur
  • Jitħaffef il-proċess ta’ Fast Ferry u Park and Ride Service fl-Imġarr.

More in Politika