Aktar minn 800 student u studenta għadhom qed jistennew post fuq il-vannijiet

Sa Diċembru l-ġenituri se jibdew jirċievu messaġġ meta t-tfal jinġabru u jitwasslu mill-iskola

829 student u studenta li jattendu skejjel tal-Knisja jew privati għadhom qed jistennew li jingħataw trasport b’xejn hekk kif din il-ġimgħa jirritornaw wara l-bankijiet tal-iskola.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum waranofsinhar, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo saħaq li l-Gvern jibqa’ kommess li fi żmien qasir l-istudenti kollha jinstabilhom post biex kulħadd igawdi mill-iskema ta’ trasport b’xejn.

Sas-sena skolastika li għaddiet, it-trasport b’xejn kien jingħata biss lill-istudenti li jattendu l-iskejjel tal-Gvern, iżda dan ġie estiż għall-iskejjel kollha primarji u sekondarji, bil-għan li jittaffa xi ftit it-traffiku.

Madanakollu, l-għadd ta’ ġenituri li ddeċidew li jagħmlu użu minn din l-iskema u jibagħtu lit-tfal tagħhom bil-vannijiet u l-coaches, wassal għal nuqqas ta’ vetturi disponibbli.

Fil-fatt, sa nhar il-Ħamis li għadda, il-Gvern ikkonferma li kien għad hemm madwar 1,000 student u studenta li jattendu skejjel mhux tal-Gvern u li għalihom ma kienx hemm post fuq il-vannijiet.

Minn dakinhar ‘l hawn, in-numru niżel għal 829 student hekk kif fl-aħħar jiem kien hemm aktar operaturi li daħlu parti mill-iskema.

L-għadd tal-operaturi jitla' għal 75

Il-Ministru Bartolo qal li sal-lum in-numru ta’ operaturi li se jkunu qed iwasslu lill-istudenti bħala parti minn din l-iskema tela’ għal 75, hekk kif sat-8 ta’ Settembru kienu ffirmaw 18-il operatur biss.

“Aktar ma jkun hemm operaturi, aktar nistgħu nipprovdu servizz,” saħaq il-Ministru. “Irridu kemm jista’ jkun ġenituri u tfal li jgawdu minn din l-iskema.”

Waqt li saħaq li n-negozjati ma kinux faċli, il-Ministru insista li l-Gvern qed jintroduċi sistema li ma kinitx hemm qabel.

Insista li din l-iskema se tara lill-ġenituri jiffrankaw madwar €700 f’trasport għat-tfal tagħhom waqt li saħaq li meta dan is-suq ma kienx irregolat, kienu qed isiru ħafna abbużi.

“Kull student fil-lista huwa prijorità,” insista l-Ministru waqt li ħeġġeġ aktar operaturi biex jidħlu f’din l-iskema.

Sa Diċembru l-ġenituri se jibdew jirċievu messaġġ meta t-tfal jinġabru u jitwasslu

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li bħalissa għaddej eżerċizzju bil-għan li jekk hemm xi postijiet vakanti fil-vannijiet, jidħlu fihom dawn l-istudenti li għadhom qed jistennew, dejjem skont ir-rotta.

“Il-loġistika kollha qed issir mill-Ministeru bil-ġenituri jikkomunikaw direttament mal-Ministeru u mhux mal-operaturi. Qed ikunu introdotti rotot ġodda skola skola  u l-ġenituri qed ikunu mgħarrfa liema rotta se tkun qed taqdi lill-uliedhom u minn fejn se jibdew jinġabru, saħaq Fabri.

Kompla jgħid li sistema ta’ monitoraġġ se tkun introdotta sa Diċembru bil-għan li l-ġenituri jibdew jirċievu notifika meta t-tfal tagħhom ikunu nġabbru jew twasslu mill-iskola. Din is-sistema se tkun estiża wkoll għal dawk li t-tfal tagħhom jattendu skejjel mhux tal-Gvern.

Minkejja li kienet imwiegħda s-superviżjoni fuq il-vannijiet, din se tkun qed tapplika biss għall-istudenti tal-kindergarten fl-iskejjel tal-istat.

Intant, madwar 14,000 student u studenta li jattendu skejjel tal-Gvern se jkunu qed jużaw it-trasport mogħti mill-Gvern. Dan ifisser żieda ta’ 1,500 student u studenta fuq is-sena li għaddiet.

More in Politika