'Ir-roħs fil-parkeġġ ta' Mater Dei qed ibatuh l-impjegati'

L-MUMN lesta biex torganizza protesta fit-toroq tal-Isptar jekk is-sitwazzjoni tal-parkeġġ ma tkunx irregolata

Fl-aħħar jiem, għadd ta’ infermiera, qwiebel u professjonisti oħra rċevew numru ta’ ċitazzjonijiet minħabba l-parkeġġ u wara li lmentaw, għax skonthom dawn ma kinux jagħmlu sens, baqgħu bla tweġiba.

Fi stqarrija, l-MUMN, il-unjin li tirrapreżentahom, ilmentat li minkejja li nbidel il-kuntrattur li jieħu ħsieb il-parkeġġ f’Mater Dei, “is-sitwazzjoni marret għall-agħar,” b’mod partikolari għall-ħaddiema.

“Fl-isptar Mater Dei m’hemmx kontroll ta’ minn jipparkja u min le. Għalhekk numru ta’ persuni li mhux intitolati li jipparkjaw fil-parkeġġ tal-istaff qed jidħlu kollha fil-parkeġġ u jieħdu il-post tal-impjegati,” saħqet il-unjin.

Kien hawn li l-Unjin saħqet li minflok sab soluzzjoni, il-kuntrattur beda jfajar ċitazzjonijiet "bl-addoċċ" lill-impjegati li jkollhom jipparkjaw bnadi oħra.

“Konnha nistsennew li r-rati orħos li l-Gvern ħabbar għall-pubbliku, il-kuntrattur ma għandux iġibhom minn fuq il-membri tal-MUMN,” tkompli l-istqarrija. “Saħħa ma rranġax il-mod ġunglist kif isir il-parkeġġ f’Mater Dei, ma missux ħa l-opportunità minn din is-sitwazzjoni u qabad jagħti ċ-ċitazzjonijiet b’sarima ma’ għajnejh.”

L-istqarrija ttemm tappella lill-Gvern u t-tmexxija tal-Isptar biex jirregolaw din is-sitazzjoni b’mod urġenti. Tisħaq li jekk dan ma jseħħx lesta torganizza protesta fit-toroq tal-isptar biex il-membri tal-Unjin iwasslu l-messaġġ tagħhom.

More in Politika