Il-konklużjonijiet dwar Egrant ma jsolvux il-kwistjoni tas-saltna tad-dritt – Giegold

Sven Giegold reġa’ ġej pajjiżna fit-tieni delegazzjoni dwar is-saltna tad-dritt. Mal-ILLUM jgħid li għadhom imħassbin li għadu ma nstabx il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

“Erġajna ġejjin għax ninsabu inkwetati u mħassbin, primarjament għax waslet biex tgħaddi sena mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u għadha ma nqabditx dik il-persuna li riedet lil Daphne Caruana Galizia maqtula.” Hekk sostna l-MEP tal-Ħodor Sven Giegold f’telefonata ma’ din il-gazzetta ġranet qabel ma jiġi mat-tieni delegazzjoni li se tkun qed tiġi pajjiżna biex tevalwa s-saltna tad-dritt, jew l-applikazzjoni tal-liġi, it-trasparenza u governanza.

L-ewwel delegazzjoni kienet immexxija mill-MEP Soċjalista, Ana Gomes.

Din il-gazzetta fakkret lil Giegold li hemm proċeduri għaddejjin fil-Qorti kontra tlett irġiel akkużati bil-qtil. Ma jħossx li għandu jistenna biex jara x’se jkun l-eżitu tal-istess proċess illi fih jista’ jirriżulta min huwa l-mandant?

Giegold jagħmilha ċara illi hu mhux se jispekola, afferma iżda illi hemm inkwiet fil-Parlament Ewropew “minħabba li għaddiet sena minn meta seħħ il-qtil u anke għax minflok ssaħħet u żdiedet l-effiċjenza tal-investigazzjoni, naqqset,” allega Giegold. 

Giegold huwa kritiku aħrax tal-gvern u l-aħħar li kien hawn sostna illi wara li ġie Malta spiċċa aktar inkwetat minn qabel ma ġie. Iżda mal-ILLUM isostni illi dak li qed jagħmel hu u d-delegazzjoni ma jorbotx ma’ Malta biss. “Aħna qed ninvestigaw u naraw is-sitwazzjonijiet f’pajjiżi oħra, fosthom is-Slovakkja, fejn inqatel ġurnalist u anke f’pajjiżi stess, il-Ġermanja.”

“Aħna se nkomplu x-xogħol li bdjena mill-ewwel delegazzjoni u issa anke fid-dawl ta’ rapport illi jiżvela kif l-Awtorità Bankarja Ewropea se tinvestiga l-FIAU.”

Infakkru imma li apparti dan ir-rapport, kien hemm rapport ieħor. Jiġifieri dak li jittratta l-inkjesta Egrant u li dwaru nafu l-konklużjoni. Ma jħossx li hu u d-delegazzjoni se jkunu tilfu ħafna mill-krettu? Giegold naturalment ma jaqbilx u jfakkar illi kienu l-konklużjonijiet biss tar-rapport tal-Maġistrat, Aaron Bugeja li ġew ppubblikati.  

“Aħna ħadna nota tal-konklużjonijiet, imma nfakkar illi probabilment anke meta joħroġ ir-rapport kollu mhux se nkunu nafu ta’ min hija l-kumpanija fil-Panama Egrant. Fuq din il-kwistjoni hija importanti li nkunu nafu minn huwa jew kien l-‘Ultimate Beneficiary Owner’, jew is-sid tal-kumpanija Egrant.”

Imma l-MEP tal-Ħodor imur oltre minn hekk u jsostni illi “għax ma kinitx sostanzjata l-allegazzjoni ta’ Egrant ma jfissirx li l-kwistjoni tas-saltna tad-dritt mhix rilevanti. Hemm tħassib fil-Parlament Ewropew u fost partiti differenti dwar ċerti aspetti tas-saltna tad-dritt f’Malta.”

Mal-ILLUM Giegold insista illi filwaqt li kien hemm numru ta’ mistoqsijiet tal-ewwel delegazzjoni li kienu mwieġba, kien hemm oħrajn li l-Gvern Malti qatt ma wieġeb. Din il-gazzetta tistaqsi għal liema mistoqsijiet qed jirreferi.

“Waħda mit-tweġibiet li l-Gvern qatt ma tana hija dwar ħruġ ta’ permessi għall-bini mill-awtoritajiet qabel l-elezzjoni ġenerali.” Hu kien qed jirreferi għal akkużi li fil-perjodu tal-kampanja elettorali, ħarġu ħafna permessi tal-bini biex ‘jinxtraw’ il-voti. Giegold iċċara li hu mhux qed jgħid li dawk l-akkużi huma minnhom, imma biss li l-Gvern ma weġibx dwarhom.

Giegold se jkun qed jasal Malta nhar il-Ħamis b’ġurnata li tinkludi ħafna laqgħat u anke konferenza għall-midja.

Din il-ġimgħa Giegold sostna illi, "il-ħasil tal-flus huwa riskju ta' sigurtà fl-Ewropa u allura l-Ewropa trid tnixxef l-iffinanzjar tat-terroriżmu kemm jista’ jkun malajr...l-Ewropa jeħtieġ timbutta flus kriminali ’l barra mill-Latvja, Ċipru, Malta u l-Estonja kif ukoll mis-suq tal-proprjetà tal-Ġermanja.”

More in Politika