Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Graffitti jakkużaw lill-Pulizija bi 'vjolenza eċċessiva'

Andre Callus jgħid kif uħud mill-attivisti ġew imkaxkra min għonqhom 'il barra mill-binja tal-Awtorità tal-Ippjanar

Yendrick Cioffi / 13 ta' Settembru 2018 11:43
Mas-sit illum.com.mt, Andre Callus ikkundanna dik li sejjaħ bħala 'vjolenza eċċessiva meta l-Pulizija daħlu għal għadd ta' attivisti li dalgħodu nġabru jdoqqu tnabar u strumenti oħra waqt li kienet għaddeja laqgħa tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li "għal darb’oħra qed jiddiskuti pompa tal-petrol enormi, din id-darba fiż-Żejtun.

F'kummenti ftit tal-ħin wara li l-Pulizija marru għall-attivisti, Callus saħaq li ħafna mill-attivisti għadhom taħt xokk għal mod vjolenti li bih il-Pulizija rreaġixxew.

Fil-fatt, Moviment Grafitti kienu waqt Facebook Live, meta daħlu l-Pulizija, tefgħu lill-attivisti mal-art u kaxkru lil uħud minnhom barra.

"Kien hemm min kaskruh minn għonqu, oħrajn tefgħulhom it-tnabar fuq wiċċhom...hemm min saħansitra weġġa' u għandu d-demm," saħaq Callus.

Madanakollu ma jidher li għalissa ġie arrestat ħadd, anke jekk uħud mill-attivisti dehru jirreżistu lill-Pulizija meta talbuhom joħorġu mill-binja.

Il-protesta qed tkompli bħalissa fuq barra.

'Il-Pulizija għandhom jipproteġu u mhux isikktu lil min jipprotesta' - PN

B'reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li f'pajjiż demokratiku huwa dritt fundamentali li persuna tipprotesta u għalhekk ikkundanna li protesta paċifika "spiċċat b'użu ta' forza eċċessiva."

Fi stqarrija, il-PN qal li l-Istat għandu jara li l-Pulizija jkunu hemm sabiex jipproteġu lil min ikun qed jipprotesta u mhux jiġi msikket. 

"F'pajjiż verament demokratiku, ċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili u l-Pulizija jixraqilhom aħjar."

'Tkaxkru bħal-annimali waqt li l-PA kompliet tkisser pajjiżna' - PD

Il-Kap tal-Partit Demokratiku, Anthony Buttigieg, qal li d-dritt li wieħed jipprotesta huwa dritt fundamentali.

Kien għallhekk li kkundanna l-mod kif l-attivisti ta' Graffitti ġew imkaxkra 'l barra mill-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar.

"L-attivisti tkaxkru 'l barra bħall-annimali, biex l-Awtorità tal-Ippjanar tkun tista' tkompli tkisser lill-pajjiżna..Malta jeħtieġ tiġi difiża minnha nnifisha," temm jgħid Buttigieg.

 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook