Aġġornata | Irrifjutat il-permess għall-bini ta' pompa tal-petrol f'ODZ fiż-Żejtun

Moviment Graffitti u Kamp Emerġenza Ambjent ingħaqdu f'azzjoni diretta kontra din l-applikazzjoni

Il-protesta quddiem il-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar
Il-protesta quddiem il-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar

L-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat il-permess għall-bini ta' pompa tal-petrol f'żona li fiha mhux suppost isir żvilupp fiż-Żejtun.

L-applikazzjoni ġabet 10 voti kontra u wieħed favur.

Iċ-Ċerpersin tal-Kummissjoni tal-Awtorità, Elizabeth Ellul qalet li vvutat favur għax minkejja l-kontroversja dwar din il-pompa, ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni mill-awtoritajiet tat-trasport u tal-agrikoltura.

Aktar qabel

Attivisti tal-Moviment Graffitti u Kamp Emerġenza Ambjent wettqu azzjoni diretta waqt laqgħa tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li "għal darb’oħra qed jiddiskuti pompa tal-petrol enormi, din id-darba fiż-Żejtun. Din l-azzjoni diretta qed temfasizza l-fatt li, disa’ xhur sħaħ wara l-wegħda tal-awtoritajiet li se tiġi riveduta l-Fuel Service Station Policy oxxena li għandna bħalissa, l-ebda tibdil għadu ma sar s’issa. Il-policy kurrenti tippermetti l-bini tal-hekk imsejħa pompi tal-petrol enormi (jew aħjar ċentri kummerċjali) fuq art naturali u agrikola immarkata bħala barra ż-żoni tal-iżvilupp (ODZ). Aħna qed nesiġu li l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet pendenti kollha għal pompi tal-petrol ODZ jiġi sospiż sakemm il-policy riveduta tidħol fis-seħħ."

disa’ xhur sħaħ wara l-wegħda tal-awtoritajiet li se tiġi riveduta l-Fuel Service Station Policy oxxena li għandna bħalissa, l-ebda tibdil għadu ma sar s’issa Moviment Graffitti u Kamp Emerġenza Ambjent

Fl-istqarrija Moviment Graffiti fakkar illi l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ippreżentat ir-reviżjoni tagħha tal-policy f’April li għadda u issuġġeriet li l-policy m’għandhiex tħalli pompi tal-petrol ġodda jinbnew jew jiġu rilokati fuq art ODZ. "Madanakollu, l-Awtorità tal-Ippjanar (PA), minflok ma ħadet passi immedjati biex tibdel il-policy, waqqfet il-proċess."

Fakkru illi jekk kollox jimxi skont il-prassi din il-bidla lanqas biss se tkun diskussa qabel Ottubru, meta jerġa jibda l-Parlament. 

"Sadanittant, applikazzjonijiet ġodda għall-iżvilupp ta’ pompi tal-petrol qed jibqgħu jiġu mitfugħa, apparti dawk li diġa qed jiġu ipproċessati. Per eżempju, f’Mejju li għadda, il-propjetarji ta’ pompa tal-petrol li diġa kienet approvata fuq art ODZ f’Wied il-Għajn applikaw biex jestendu b’1,000m² l-kumpless tal-pompa tal-petrol tagħhom ta’ 1,500m², peress li taħt il-policy kurrenti, pompa tal-petrol tista’ tkun kbira sa 3,000m²."

"Id-daqs tal-pompi tal-petrol li huma pendenti u li ġew approvati huwa seba’ darbiet daqs il-fosos tal-Furjana. Bħalissa hemm 12-il applikazzjoni pendenti fuq art ODZ b’daqs totali ta’ ‘l fuq minn 52,000m². Erba’ pompi tal-petrol b’daqs totali ta’ 12,000m² diġa ġew approvati." 

 

"Anki fil-każ tal-pompa tal-petrol taż-Żejtun li qed tiġi diskussa mill-Bord illum, il-PA uriet għal darb’oħra li tagħmel minn kollox biex taġevola lill-iżviluppaturi. Ir-rakkomandazzjoni tal-case officer tal-PA stess dwar pompa tal-petrol ta’ 3,000m² proposta fuq art agrikola fiż-Żejtun kienet li għandha tkun irrifjutata, peress li lanqas mal-Fuel Service Station Policy li hemm bħalissa ma timxi. Madanakollu, minflok ma qabad u irrifjuta l-applikazzjoni mill-ewwel waqt il-laqgħa tal-Ħamis 2 t’Awwissu, il-Bord tal-PA ippospona l-laqgħa biex jagħti lill-iżviluppatur iktar żmien biex jiġġustifika l-każ tiegħu"

"Il-PA qed turi kull darba li hi tiżfen għad-daqqa tal-iżviluppaturi," sostnew il-Moviment Graffiti u kamp Emerġenza Ambjent. 

Intant l-attivisti akkużaw lill-Pulizija illi użaw forza eċċessiva biex ineħħu lill-attivisti mill-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar.

 

More in Politika