Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Hugo kien tilef tliet litri demm u nħakem minn infezzjoni qabel miet

...it-tieni operazzjoni fuq Hugo Chetcuti kixfet nuqqasijiet 'mikroskopiċi' mill-ewwel operazzjoni..

Albert Gauci Cunningham / 10 ta' Settembru 2018 11:22
Hekk kif illum kompliet tinstema x-xhieda fil-każ kontra Bojan Cmelik, akkużat bil-qtil ta' Hugo Chetcuti, jirriżulta li Hugo Chetcuti kien tilef tliet litri ta' demm u għalhekk ma setgħax jiġġieled infezzjoni tal-pnewmoja li kienet ħakkmitu. 

Il-Qorti semgħet ukoll kif kien hemm bżonn tat-tieni operazzjoni nhar it-8 ta' Lulju u din sabet li kien għad hemm partijiet żgħar ħafna mill-ferita li kienu miftuħin. Mill-evidenza tat-tobba forensiċi jidher illi l-ferita ma kinitx magħluqa jew meħjuta tajjeb biżżejjed fl-ewwel operazzjoni li saret mit-Tabib Ayman Mostafa, dakinhar stess tal-attakk. Mostafa huwa mistoqsi dwar dan il-fatt fil-Qorti, fejn xehed dalgħodu. Huwa jgħid li hu għamel mill-aħjar fl-operazzjoni u li seta' kien hemm ftuħ mikroskopiku li kien mgħotti minn xaħam tal-ġisem, li la hu u lanqas l-assistenti tiegħu ma raw.

L-Avukat Difensur Ismael Psaila staqsa lit-Tabib Mostafa; Kieku dan il-ftuħ fil-ferita ingħalaq sew, ir-riżultat aħħari kien ikun differenti?  Mostafa qal iżda li din il-fetħa kienet skoperta biss 30 siegħa wara l-ewwel operazzjoni. Jerġa jgħid li l-fetħa fil-ferita setgħet kienet mikroskopika.

"Setgħet kienet kumplikazzjoni tal-ferita magħmula minn sikkina li ħarġet tard  ." 

Mostafa spjega kif minn sitwazzjoni 'kompletament stabbli' tliet'ijiem wara meta reġa ra lil Hugo, sabu f'kundizzjoni fqira ħafna b'sinjali ta' organi li ma baqgħux jaħdmu. 

Intant Hugo Chetcuti ma baqax taħt il-ħarsien tal-konsulent li kellu jibqa' jarah wara Mostafa, imma beda jkun ezaminat mit-Tabib Alex Attard li jiddeskrivi lilu nnifsu bħala ħabib ta' Hugo Chetcuti. 

Attard saħaq iżda li l-ferita fil-fatt kienet magħluqa u li setgħu inqalgħu kumplikazzjonijet wara l-ewwel operazzjoni li fil-fatt wasslu biex kien hemm dan il-ftuħ żgħir. 

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook