'Reżistenza Malta' jgħidu illi Daphne Caruana Galizia nqatlet għax qalet il-verità

....l-għaqda tgħid li qed ngħixu fi żmien meta bdew jidhru ċerti 'ideat faxxisti' u fejn 'l-impunità saret ir-regola' 

Fi stqarrija dalgħodu hekk kif illum jaħbat għeluq snin Daphne Caruana Galizia l-għaqda 'Reżistenza Malta' qalet illi l-assassinju brutali ta’ Daphne Caruana Galizia "seħħ wara perjodu twil ta’ demonizzazzjoni fil-konfront tagħha. Il-politiċi, ix-xandara u il-kummentaturi li ngħaqdu f’mantra sabiex ittimbrawha bħala “saħħara” lkoll ikkontribwew sabiex inħoloq atteġġjament ostili kontra tagħha." 

"Minkejja dan hi ġġieldet il-korruzzjoni u l-abbuż ta’ poter bla biża’. F’għeluq żmienha nħossu li Malta għandha dejn kbir fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia u tal-familja tagħha."

Reistenza qalet illi bħalissa qed ngħixu f’mument fejn f’pajjiżna bdew jaqbdu l-art ideat faxxisti, "fejn l-impunita’ saret ir-regola, fejn il-poteri politiċi ta’ spiss jirrikorru għall-arma tad-demonizzazzjoni saħansitra fil-konfront ta’ ġurnalisti, fejn min jikxef il-korruzzjoni jiġi ttimbrat bħala traditur ta’ pajjiżna, naffermaw il-konvizjoni tagħna li Daphne Caruana Galizia ġiet eliminata għaliex qalet il-verita’"

"Min jigdeb fuqek tieħdu l-qorti. Huwa fil-konfront ta’ min jgħid il-verita’ fuqek li m’għandekx rimedju legali. U allura ma nitsgħux ma nistaqsux: Min qiegħed jibbenefika mill-eliminazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia?" temmet tistaqsi l-istqarrija. 

Il-messaġġ li twaħħal minn Reistenza Malta bil-messaġġ li Caruana Galizia inqatlet għax qalet il-verità
Il-messaġġ li twaħħal minn Reistenza Malta bil-messaġġ li Caruana Galizia inqatlet għax qalet il-verità

More in Politika