Summit informali llum dwar 150 immigrant li l-Italja ma tridx taċċetta

Luigi Di Maio jhedded lill-Kummissjoni Ewropea u jinsisti li l-Gvern Taljan se jżomm sod.

Ritratt | TGcom 24
Ritratt | TGcom 24

Rappreżentanti minn għadd ta' pajjiżi Ewropej, fosthom minn Malta, se jiltaqgħu aktar tard illum f'summit informali tal-Unjoni Ewropea biex jiddiskutu fejn se jitniżżlu madwar 150 immigrant li ilhom sigħat sħaħ abbord il-bastiment Diciotti fi Sqallija.

Dan il-bastiment tal-Gwardji tal-Kosta, ilu tlett ijiem fil-port ta' Katanja bl-immigranti fuqu tant li dalgħodu midja Taljana rrappurtat li l-istess immigranti bdew strajk tal-ġuħ bi protesta għall-mod kif qed jiġu ttrattati.

Għal dan is-summit informali se jkun hemm rappreżentanti mill-Italja, Malta, il-Greċja, Spanja, il-Ġermanja, Franza u anke l-Awstrija, fost oħrajn.

Intant, id-Deputat Prim Ministru Taljan, Luigi Di Maio hedded li l-Italja se żżomm soda quddiem il-Kummissjoni Ewropea u saħansitra qal li jekk mhux se tisma' mill-Italja, il-Gvern lest li jissospendi l-fondi għall-immigrazzjoni.

Il-Gvern Taljan qed jinsisti li dawn l-immigranti jitqassmu fost pajjiżi oħra.

More in Politika