Analiżi | 20 sena tal-Labour: Mill-agħar sal-aqwa żmien (2)

Il-ġimgħa l-oħra tajna ħarsa lejn il-Partit Laburista fis-snin 90; mill-waqa’ tal-Gvern ta’ Sant sat-telfa mhux mistennija fl-2008. F’din il-ħarġa se nagħtu ħarsa lejn it-tieni 10 snin. Is-snin ta’ Muscat...

Din il-gazzetta qed tagħti ħarsa lejn l-aħħar 20 sena tal-Partit Laburista, 20 sena illi fihom kien hemm quċċati, imma kien hemm ukoll weġgħat, telf u umiljazzjonijiet. Din l-analiżi qed issir biex wieħed jiftakar il-kuntest ta’ dak li bħalissa jista’ jitqies bħala l-perjodu illi fih il-Partit Laburista jinsab fl-aħjar post li qatt kien mill-1998. Is-sitwazzjoni li fiha jinsab il-Partit Laburista llum huwa fil-fatt frott dirett tal-passat politiku riċenti.

Il-ġimgħa l-oħra l-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn l-ewwel 10 snin (1998-2008), snin illi bdew bil-Partit Laburista jitlef il-Gvern wara l-vot ta’ dak li kien u għadu ikona Laburista Dom Mintoff u li spiċċaw b’telfa ċkejkna imma mhux mistennija fl-2008.

Wara l-elezzjoni tal-2008 u wara r-riżenja ta’ Alfred Sant bdiet tiġrija fil-Partit Laburista, li bħal kull tiġrija oħra tħalli rebbieħ u telliefa xi ftit jew wisq imbenġlin. L-aħħar tiġrija kienet bejn George Abela u Joseph Muscat. Kienu mumenti ta’ stennija għall-Partit Laburista, bl-indikazzjonijiet jkunu li fil-partit il-favorit kien Muscat, filwaqt li barra l-istrutturi tal-partit il-favorit kien Abela. Ta’ min wieħed jiftakar illi minkejja li Muscat illum jinżel tajjeb ma’ ħafna switchers u eks-votanti Nazzjonalisti, dan ma kienx il-każ fit-tiġrija tal-2008, meta fost dawk il-votanti Nazzjonalisti mhux daqstant akkaniti kien jidher illi Abela kien ir-raġel favorit biex joħroġ lil abour mill-fondoq li kien fih.

Imma ma kellux ikun. Id-delegati Laburisti għażlu lil Muscat. Bejnu u Abela, Muscat kiseb 435 vot minn 874 vot validu, filwaqt li Abela kiseb 200 vot.

Il-kandidati l-oħrajn ġabu dan ir-riżultat; Michael Falzon (illum Ministru fil-Kabinett ta’ Muscat) 181 vot. Evarist Bartolo (Illum Ministru fil-Kabinett ta’ Muscat) 32 vot u Marie Louise Coleiro Preca (Illum President tar-Repubblika) 26 vot.

Muscat elett mexxej
Muscat elett mexxej

Ħobbuha lil Michelle...f’kull rokna tal-pajjiż

L-ewwel diskors ta’ Muscat kien mimli teatralità. Mill-‘ħobbu lil Michelle għax tħobbkom’ sal-kant tal-innu Malti filwaqt li beda jħares ‘l fuq u jżomm idejh ma’ sidru. Iżda kien hemm messaġġ pertinenti.

Muscat kien wiegħed ‘Staġun Politiku ġdid’ li fih ried joħloq terremot politiku fil-Partit Laburista. Pertinenti għax fil-fatt hekk ġara.

Muscat beda żjajjar ma’ kull rokna tal-pajjiż f’kull każin Laburista u minn hemmhekk beda jidher li l-agħar tal-MLP kien għadda.

L-ewwel bidliet kienu kożmetiċi, iżda anke jekk kożmetiċi kienu parti minn pjan sħiħ ta’ re-branding li ħadem tajjeb biżżejjed biex eluf kbar ta’ votanti li sa ftit qabel kienu jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, ħassewhom komdi jivvutaw lil Labour għall-ewwel darba.

Rebranding: Liberali

Muscat beda jbiddel lill-Partit Laburista f’wieħed verament liberali favur unjoni ċivili bejn żewġ persuni tal-istess sess, xejra li kompliet tul dawn l-aħħar 10 snin bil-Partit Laburista jipproponi u jgħaddi mill-Parlament bidliet fil-liġi tal-IVF, żwieġ għal persuni tal-istess sess, dikriminalizzazzjoni tad-droga u liġijiet oħrajn li lanqas ħadd ma kien jimmaġina li jistgħu jsiru realtà f’pajjiżna. Bil-liġijiet li introduċa u billi qara s-sinjali taż-żminijiet tajjeb biżżejjed Muscat rebaħ faxxa kbira ta’ persuni li qatt qabel ma kienu jivvutaw jew iridu jassoċċjaw lilhom infushom mal-Partit Laburista. Probabbilment l-akbar rebħa f’termini ta’ voti kien il-fatt li fost il-komunità LGBTIQ u l-qraba u l-ħbieb tagħhom kien hemm sensazzjoni ta’ swing qawwija favur il-Partit Laburista. Tant hu minnu dan, li wara s-suċċess fl-2013 il-Partit Laburista reġa ffoka fuq dan is-settur ta’ votanti fl-2017 u għal darb’oħra jidher li kellu l-istess suċċess.

Ir-rebħa ta’ Muscat f’dak li huwa ideoloġikament iktar liberali ħalla lill-Partit Nazzjonalista mitluf, hekk kif il-mexxej Laburista dejjem lagħab l-karta illi jippreżenta punt illi dwaru jaf li l-PN se jsib problema jew se tinħoloq diskussjoni fih. Għalhekk mal-introduzzjoni tal-Unjoni Ċivili daħħal id-dritt li koppja tal-istess sess tapplika biex tadotta, għax kien jaf li tal-aħħar kienet se tkun inaċettabbli għall-PN. B’hekk il-PN astjena (anke jekk kien hemm min ried li l-PN jivvota kontra) u Muscat ħa iktar saħħa fost dan is-settur ta’ votanti partikolari.

Fl-2017 huwa uża favurieh ukoll il-pass li għamel Gvern Laburista biex jiffaċilità iktar l-użu tal-IVF. Il-Partit Laburista b’suċċess daħħal u uża l-aspett uman ta’ din il-kwistjoni biex għal darba oħra jidher li huwa iktar sensittiv għall-bżonnijiet, anke jekk intimi, tal-votant. U għal darb’oħra rnexxielu

Rebranding: Pro-Business

Jekk il-Partit Laburista mill-2008 sal-2018 irnexxielu jirbaħ settur kruċjali, apparti dak LGBTIQ, kien definittivament dak tan-negozju. F’dan il-qasam Muscat għamel suċċess għax wettaq, kien iktar ‘laxk’ u ġietu tajba fl-istess ħin. ‘Wettaq’ għaliex nieda diversi miżuri li jivvantaġġjaw in-negozji, fosthom negozji żgħar u tal-familja. Kien iktar ‘laxk’, fis-sens li biddel l-attitudni strinġenti (anke jekk xi minn daqqiet ġusta u ġustifikata) li kien qed jadotta Gvern Nazzjonalista, fosthom fil-kwistjonijiet ta’ mwejjed u siġġijiet ta’ ċerti stabbilimenti. Jinħass li l-awtoritajiet issa jifhmu aktar u huma inqas ħorox, li huwa tajjeb għan-negozju imma mhux neċessarjament tajjeb għal nies oħrajn. Imma fuq kollox Muscat ġietu tajba wkoll, fis-sens illi l-miżuri li qed jieħu qed jeħodhom fi żmien meta l-ekonomija fl-Ewropa qed tikber u meta l-ekonomija Maltija qed tiġri.

Dawn il-fatturi kollha fissru illi f’dawn l-10 snin il-Partit Laburista kiel minn wieħed mill-aktar setturi kruċjali għall-PN, dak is-settur li fl-2003 kien wara Eddie Fenech Adami jappoġġja sħubija ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea; in-negozji.

Rebranding: Dehra

Fl-aħħar 10 snin il-Partit Laburista għamel tibdiliet, illi permezz tagħhom qed jipproġetta dehra ġdida. Inqas aħmar fl-arma u iktar abjad, inqas daqq tal-innu tal-Partit Laburista u żgħażagħ skjerati lebsin pulit wara Joseph Muscat.

Għalkemm kożmetiċi, dawn il-bidliet kienu importanti biex il-partit jirrealizza l-ambizzjonijiet tiegħu f’perjodu meta d-dehra hija importanti ħafna.

Minn serial looser...għal rebbieħ

Mhux għax kien hemm wisq dubju li l-Partit Laburista kien se jirbaħ l-elezzjoni ġenerali tal-2013, imma ftit ħasbu li d-distakk se jkun daqstant kbir. L-aħbar bdiet tiġri li l-Partit Laburista rebaħ b’aktar minn 30,000 vot u minn  hemm bdew ċelebrazzjonijiet kbar madwar il-pajjiż kollu, imma speċjalment il-Ħamrun u l-Belt Valletta.

Id-distakk ta’ 36,000 vot maġġoranza, sa dakinhar storiku, kien ilu jakkumula mill-2004 minn meta (kif għidna l-Ħadd li għadda) kien beda jdur ir-riħ favur il-Partit Laburista.

Bidu tajjeb...sakemm tfaqqa’ Panama

L-ewwel ftit xhur ta’ Gvern Laburista, bi ftit li xejn oppożizzjoni kienu pożittivi u kien hawn sentiment ta’ soljev fost ħafna (mhux Laburisti) illi l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern u kollox baqa’ miexi tajjeb, anzi kien qed jaqbad rittmu mgħaġġel.

Naturalment l-għan ta’ din l-analiżi mhix li nħarsu lejn kull ma ġara f’dawn is-sitt snin ta’ Gvern Laburista. Huwa ċar iżda illi minkejja l-każ tal-Cafe Premiere u minkejja l-każ tax-xufier tal-eks Ministru Emmanuel Mallia, l-ebda kwistjoni daqs dik tal-Panama ma heddet daqstant l-eġemonija Laburista li kien bena Muscat.

Il-kwistjoni tal-Panama, kienet u għadha l-akbar u l-itqal mazzra li tista’ f’mument mhux mistenni tniżżel lil Muscat u l-Partit Laburista, anke jekk bħalissa dan jidher kważi impossibbli.

L-istorja kollha kienet iddur ma’ serje ta’ fatti flimkien ma’ konġettura jew fatti li ma kinux ippruvati. L-aktar persuna qirb Muscat u Ministru f’Kastilja jiftħu kumpaniji fil-Panama. Flus fil-kont tal-Ministru Konrad Mizzi qatt ma daħlu u l-kumpanija kienet xolta. Fil-kumpanija ta’ Keith Schembri daħlu flus, fosthom allegatament mingħand Adrian Hillman. L-eks Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN kien allega (u hemm inkjesta Maġisterjali) li l-flus li daħlu mill-kont ta’ Brian Tonna għal dak ta’ Schembri kienu ġejjin minn kummissjonijiet mill-Bejgħ tal-Passaporti, xi ħaġa li ċaħdu u liema flus iddeskrivew bħala self. Imbagħad kien hemm Egrant Inc, li s-sid tagħha kien u s’issa għadu misteru, għalkemm nafu li direttament ta’ Michelle Muscat jew tal-familja Muscat qatt ma kienu.

Dan il-każ qajjem pandemonju politiku u fetaħ il-bibien tad-dubju bi strateġija politika tal-PN mirquma eżatt biex tkompli tqajjem id-dubji fuq l-intenzjoni wara dawn il-kumpaniji u ta’ min kienet Egrant.

Għal mumenti l-biża’ kienet illi dan il-każ jista’ jkun għall-Partit Laburista dak li kien għall-eks President Amerikan Nixon, Watergate. Kienet bdiet dieħla l-biża’ li seta’ kien hemm intenzjonijiet ħżiena...sakemm faqqgħet l-allegazzjoni Egrant.

Minkejja li l-2008-2018 kienu 10 snin pożittivi ħafna għall-Labour ma jfissrix li ma tterraqx toroq koroh, u din kienet waħda minnhom. L-allegazzjoni li Egrant hija ta’ Michelle Muscat u li minnha għaddew $1 miljun mit-tifla tal-Mexxej tal-Ażerbajġan kienet l-aktar storja dannuża għall-Partit Laburista.

Minkejja dan u minkejja d-dubju tqil fuq ras il-Labour Muscat  f’Ġunju 2017 rebaħ elezzjoni sena qabel iż-żmien b’distakk ta’ 35,250 vot.

Dan kien, jew għallinqas fil-fehma ta’ din il-gazzetta, kien l-ogħla mument tal-Partit Laburista. Minkejja li r-rebħa kienet bħal dik tal-2013, moralment kienet rebħa kbira għal partit attakkat u akkużat illi fforma l-aktar gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna u ffaċċjat b’mistoqsijiet dwar kontijiet fil-Panama u diversi proġetti bħal dak tal-Powerstation u l-kuntratt mal-Vitals Global Healthcare.

Mill-ogħla punt għall-akbar rebħa...

Jekk l-1998 kienet l-agħar sena għall-Partit Laburista, l-2017 kienet l-aqwa. B’rebħa daqstant kbira, minkejja kollox, il-Partit Laburista rnexxielu jdawwar l-affarijiet ta’ taħt fuq u minn tellief spiċċa partit b’saħħtu, diffiċli li tkissru.

Mill-2017 sa issa ġraw ħafna affarijiet, forsi l-agħar kien il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, avversarju qalil tal-Partit Laburista għal dawn l-aħħar 20 sena. Kien mument iswed għall-pajjiż, anke jekk Caruana Galizia kellha ħafna għedewwa, mhux l-inqas fil-Partit Laburista li tant kienet tikkritika imma wkoll fil-Partit Nazzjonalista. Minkejja dan, il-benefiċċju tad-dubju ngħata lill-Prim Ministru Joseph Muscat, kif kien ilu jingħata fis-snin ta’ qabel kważi fuq kull kwistjoni u minkejja implikazzjonijiet serji li l-qtil ta’ Caruana Galizia kien ikkumissjonat minn xi ħadd qrib il-Gvern, il-poplu fil-maġġoranza kbira (skont l-aħħar sondaġġi) ma jemmnux li dan huwa l-każ. Qabel ma jkun solvut dan il-każ, fis-sens ta’ min kien imqabbad joqtol lil Caruana Galizia dan l-omiċidju jibqa’ bħal giljottina fuq ras il-Partit Laburista.

Ġimgħatejn ilu ħarġu l-konklużjonijiet tal-inkjesta ‘Egrant’. Konklużjonijiet illi jiskolpixxu lil Michelle Muscat mill-allegazzjoni dwar din il-kumpanija.

Politikament, dan kien l-iktar punt għoli tal-Partit Laburista u ta’ mexxej tiegħu mill-1998. Dan minħabba li rriżulta li Egrant Inc. qatt ma kellha kontijiet fil-Bank Pilatus u allura l-allegat ammont ta’ flus li għaddew fiha mill-Ażerbajġan s’issa ma jidhirx li jistgħu qatt għaddew. Dan apparti li l-Maġistrat Aaron Bugeja ma sab ebda forma ta’ rabta bejn Egrant Inc u Michelle Muscat għajr għal ‘Declaration of Trust’ b’firem foloz.

...imma ħadd ma jaf x’se jiġri fil-kapitlu li jmiss

B’hekk il-Partit Laburista se jkun qed jispiċċa dawn l-20 sena fl-ogħla punt tiegħu, fl-iktar pożizzjoni politika għolja numerikament u anke moralment.

Numerikament juruh is-sondaġġi u grazzi għall-qasma li hemm fil-Partit Nazzjonalista. Moralment, il-Partit Laburista jħoss li ngħata raġun fuq kwistjoni li fuqha ffaċċja kritika ħarxa u li anke setgħet telfitu elezzjoni.

B’hekk l-għan ta’ din l-analiżi u ħarsa lura lejn dawn l-aħħar 20 sena tiġi fi tmiemha. Fiha rajna il-qiegħ tat-telf u l-quċċati tar-rebħ u kif kontijiet fil-Panama setgħu kissru lill-Labour, imma minflok saħħewh.

Imma kif jgħidu jekk ġimgħa hija twila fil-politika, mill-lum sa’ Mejju 2019 huwa eternità. Kollox jindika li l-Labour se jibqa’ minn fuq u jgawdi mir-rebħiet numeriċi u morali. Imma dan jiddependi minn bosta affarijiet, primarjament 1) Ir-riżultati ta’ inkjesti li jistgħu jippuntaw swaba lejn wieħed miż-żewġ persuni qirb ħafna ta’ Muscat, li hu dejjem irrifjuta li jwarrab 2) L-eżitu tal-proċeduri fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u fl-aħħar u mhux l-inqas 3) fuq il-preżunzjoni, skont il-previżjonijiet, li l-ekonomija tibqa’ għaddejja bejn wieħed u ieħor kif inhi illum.

20 sena oħra, nerġgħu nitkellmu....

Aqra hawn l-ewwel parti tal-analiżi li tat ħarsa lejn l-ewwel żminijiet ta' Alfred Sant, il-vot ta' Mintoff, il-Partnership sal-elezzjoni tal-2008.

More in Politika