Filmat | 'In-nar fil-Maqluba beda lejlet Santa Marija u għadu qed jaqbad'

Il-PD jistaqsi għalfejn dan 'in-nuqqas ta' azzjoni' u insista li ammont sostanzjali tal-post inħaraq kompletament

Il-Partit Demokratiku kkritika dak li sejjaħ bħala nuqqas ta' azzjoni fil-ħin biex jintefa nar li qabad fil-Maqluba, meqjus sit ta' Natura 2000, lejlet il-festa ta' Santa Marija.

Fi stqarrija, il-PD qal li "n-nar qawwi" għadu qed jaqbad sal-lum u li x'aktarx beda minħabba murtal li ttajjar fil-viċin.

"Kważi 24 siegħa wara, ammont sostanzjali tal-post inħaraq kompletament, u n-nar għadu qed jaqbad mingħajr intervent mill-awtoritajiet," saħaq il-PD.

Filwaqt li faħħar id-dedikazzjoni u s-sengħa tal-piroteknika u insista li din għandha tibqa' parti integrali tal-kultura u t-tradizzjoni Maltija, fakkar li l-kmamar tan-nar iħallsu għas-servizzi tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili waqt avvenimenti pirotekniċi.

"Tibqa’ responsabbiltà sħiħa tad-Dipartiment biex jipprovdu sigurtà għall-ħajja, propjetà, u l-wirt naturali u kulturali tagħna," tkompli tgħid l-istqarrija.

 

Fakkar li l-Maqluba għandu l-ogħla grad ta’ protezzjoni possibbli u spjega l-importanza tal-ekosistema li tinsab fiha u li ddeskriviha unika u dan minħabba popolazzjoni importanti ta’ siġar, fosthom tar-rand u anke tinkludi s-siġra tal-Għargħar.

Il-PD appella lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi biex jibgħat tim ta’ esperti biex jevalwa l-ħsara kkawżata min-nar, u biex jippreparaw rapport b’rakkomandazzjonijiet għall-protezzjoni u konservazzjoni tal-post b’enfasi speċjali dwar attivitajiet pirotekniċi fil-futur.

"Malta għandha bżonn tkun ippreparata ħafna aktar għal kriżijiet bħal dawn, speċjalment minħabba t-tibdil fil-klima li huwa fenomenu li qed jolqot ħafna postijiet madwar id-dinja, inkluża Malta," itemm jgħid il-PD.

More in Politika