Aġġornata | L-FIAU se titlob li titneħħa l-immunità ta' Casa biex tipproċedi kontrih

...imma hemm ċans tajjeb li Casa jingħata l-appoġġ tal-Parlament Ewropew

Il-faċċata tal-gazzetta ILLUM
Il-faċċata tal-gazzetta ILLUM

Din il-gazzetta tista’ tiżvela illi l-FIAU mistennija titlob biex titneħħa l-immunità tal-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa. Dan se tagħmlu biex tkun tista’ tidba proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu wara li ppubblika rapport tal-istess FIAU iktar kmieni din il-ġimgħa stess.

Din mistennija tkun l-ewwel talba li qatt saret minn Malta biex MEP titneħħielu l-immunità, xi ħaġa li fil-fatt trid tgħaddi minn proċedura sħiħa, inkluż minn vot fil-Parlament Ewropew.

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM qalu illi filwaqt li l-FIAU se tkun qed tagħmel din it-talba, hemm probabilità li l-influwenza li Casa bena matul is-snin fil-Parlament Ewropew u bl-għajnuna tal-Partit Popolari Ewropew, it-talba biex titneħħielu l-immunità ma tintlaqax.

Jekk tintlaqa’ iżda u Casa jitlef l-immunità, l-FIAU tkun tista’ tieħu passi kriminali kontrih, għalkemm hu xorta jkun jista’ jżomm is-siġġu fil-Parlament Ewropew.

L-FIAU, nhar it-Tnejn filgħaxija u wara li Casa ppubblika rapport illi hu jgħid li jinkrimina lill-Ministru Konrad Mizzi, qalet illi dak li għamel Casa se jagħmel ħsara lill-investigazzjoniijiet u jitfgħu uffiċjali tal-FIAU fil-periklu. Fakkret illi dak li għamel Casa huwa att kriminali u li l-pożiżżjoni tiegħu bħala Membru Parlamentari Ewropew ma tpoġġihx ’il fuq mil-liġi. 

It-tneħħija tal-immunità ta’ MEP tgħaddi minn proċess sħiħ. L-ewwel awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, f’dan il-każ l-FIAU, tistaqsi lill-President tal-Parlament Ewropew biex titneħħa l-immunità. Din it-talba tkun imħabbra fil-plenarja u naturalment Casa jkollu kull dritt jiddefendi l-immunità tiegħu.

Sussegwentement, jitlaqqa’ l-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew li jirrakomanda l-adozzjoni jew li tkun irriġettata t-talba tal-FIAU li titneħħa l-immunità. Jista’ jkun illi l-Kumitat jerġa’ jitlob lill-awtorità li tkun għamlet it-talba biex tispjega aħjar jew tikkjarifika t-talba tagħha.

Il-membri jiddiskutu r-raġunijiet favur jew kontra kull proposta fil-plenarja u wara d-dibattitu jittieħed vot. Il-President mill-ewwel jikkomunika d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew lill-awtorità kkonċernata  u lill-Gvern bid-deċiżjoni.

Fil-Kumitat illi fih ikun deċiż jekk it-talba tal-FIAU għandhiex tkun aċċettata, bħala regola,  ma jistax ikun hemm MEPs mill-pajjiż minn fejn  hu l-MEP u lanqas MEPs mill-istess grupp poltiku, fil-każ ta’ Casa, mill-Partit Popolari Ewropew. 

Huwa importanti li wieħed jagħmilha ċara illi jekk il-parlament Ewropew ineħħi l-immunità ta’ Casa, dan ma jkunx ifisser li l-istess parlament sab lill-MEP ħati ta’ xi ħaġa imma jkun biss fetaħ il-possibilità li l-awtoritajiet ġudizzjarji Maltin jipproċedu.

Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn analiżi partikolari mid-Direttorat Ġenerali tal-Politika Interna tal-Parlament Ewropew ippubblikata fl-2014. Din tgħid kif hemm żewġ tipi ta’ immunitajiet li MEPs igawdu minnhom, jiġifieri l-immunità assoluta u dik personali.

Dik assoluta qiegħda hemm biex isservi ta’ protezzjoni għal-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-Parlament Ewropew, hekk kif irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustzzja tal-UE.

L-immunità personali, meta applikabbli, tipproteġi lill-MEPs sakemm ikunu fil-kariga u l-għan hija li jkun żgurat illi l-mandat tagħhom ma jkunx imtellef minn akkużi li huma motivati politikament.

 L-MEP David Casa għamilha ċara illi xejn mhu se jagħlaqlu ħalqu. Fl-istqarrija tiegħu huwa qal li “l-FIAU qed tinsisti li jien niġi arrestat għaliex ippubblikajt ir-rapport tagħha. Din hi diżgustanti. Minflok jaġixxu fuq il-konklużjonijiet tar-rapport - u jieħdu passi kontra Konrad Mizzi - l-awtoritajiet Maltin spiċċaw għodda f’idejn il-Gvern.”

“Jien mhux se nieqaf mill-ġlieda tiegħi għall-ġustizzja - irrispettivament mit-theddid li nirċievi. Il-pubbliku jixraqlu li jkun jaf il-verità kollha. Jien se nkompli nagħmel dak kollu li nista’ biex nassigura li dawk involuti f’korruzzjoni u l-ħasil tal-flus jinġiebu quddiem il-ġustizzja,” temm jgħid Casa.

Talbiet ta’ tneħħija ta’ immunità lil hinn minn xtutna...

L-aktar tneħħija ta’ immunità ta’ MEP li qajmet diskussjoni kienet dik fil-konfront tal-MEP Franċiża u Mexxej tal-Front Nazzjonali Marine le Pen. Dan minħabba li kienet akkużata illi inċitat il-mibegħda meta  qabblet lil grupp ta’ Musulmani jitolbu, mal-okkupazzjoni Nażista.

Minkejja li l-immunità tkopri l-libertà tal-kelma, ir-regoli jgħidu wkoll li l-immunità ma tistax tintalab meta membru jinstab li wettaq offiża kriminali...”

Wara l-istorja tal-gazzetta ILLUM...Casa aktar determinat 

F'reazzjoni għal din l-istorja Casa qal li  "r-rapport tal-FIAU li ppublikajt jikkonkludi li għandha tittieħed azzjoni mill-pulizija kontra Konrad Mizzi, u jiprovdi dettalji ppruvati ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus. Meta wieħed jara dak żvelat fid-Daphne Project, b’mod partikolari d-dikjarazzjoni li Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhom jirċievu $150,000 fix-xahar, teżisti l-possibilità li l-attività kriminali għadha għaddejja."

"Hu terribbli li flok ma jkun assigurat li tittieħed azzjoni kontra l-kriminalità li tista’ tkun għadha għaddejja, l-FIAU qed jaġixxi bħall-politiċi korrotti li qed jiproteġi. Qed jattakka dawk li qed jinsistu li ssir ġustizzja u dawk li qed jikxfu li l-FIAU mhux qed jagħmel xogħlu, u jillijkja l-intenzjonijiet tiegħu - kemm direttament lill-ġurnali, jew agħar, lill-politiċi korrotti li qed jiproteġi," sostna Casa. 

Casa temm jgħid jgħid li din il-ġimgħa "tajt il-kelma lill-elettorat li mhux se naqa’ għal dan it-theddid. Wara dalgħodu, ninsab aktar determinat li nżomm ma’ din il-wegħda."

 

 

More in Politika