Konferma li l-234 immigrant se jiddaħħlu Malta

Il-Prim Ministru Muscat iħabbar dan f'konferenza tal-aħbarijiet f'Kastilja...dan il-grupp ta' immigranti se jinqasam bejn tmien pajjiżi Ewropej

Ritratt | Liam Carter
Ritratt | Liam Carter

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, waqt konferenza tal-aħbarijiet, ikkonferma li l-bastiment Lifeline se jkun qed jiddaħħal f'Malta fis-sigħat li ġejjin u se jinżamm għall-investigazzjonijet kollha neċċessarji.

Il-234 immigrant ilhom jistennew abbord il-bastiment mill-Ħamis li għadda, bil-Gvern Malti jinsisti li se jaċċettahom biss jekk jinqasmu fost pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Waqt il-konferenza, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-immigranti se jkunu qed jitqassmu fost tmien pajjiżi, jiġifieri Malta, Franza, l-Italja, il-Portugal, il-Lussemburgu, l-Irlanda, il-Beljum u l-Olanda. 

Malli jasal f'Malta, aktar tard illejla, se jiskatta l-proċess ta' identifikazzjoni tal-immigranti u se tingħata l-għajnuna medika kollha neċessarja. 

Minn hemm se tiibda investigazzjoni fuq il-kaptan tal-bastiment, li skont Malta u anke l-Italja, kiser il-liġijiet internazzjonali meta injora struzzjonijiet tal-awtoritajiet Taljani.

Kien għalhekk li Muscat insista li din il-kriżi nħolqot biss minħabba l-azzjonijet tal-kaptan.

Huwa rringrazzja lill-Gvern Taljan, 

Aktar kmieni llum ngħata permess li l-bastiment Lifeline jidħol fl-ibħra Maltin biex jistkenn mill-maltemp.

"Napprezzaw id-deċiżjoni tal-Gvern" - L-Isqfijiet

Fi stqarrija konġunta, l-Isqfijiet Maltin faħħru d-deċiżjoni tal-Gvern li jagħti permess li l-vapur Lifeline biex jidħol f'Malta.

"Nifhmu li din ma kinitx ħidma ħafifa imma kien essenzjali li jsir dak kollu meħtieġ biex niggarantixxu li kull ħajja tiġi salvata," qalu l-Isqfijiet. "Minkejja ċ-ċokon tagħna għal darb'oħra pajjiżna għamel ġest kbir li nittamaw li pajjiżi wisq akbar minna jimitaw."

Temmew juru l-gratitudni tagħhom lejn dawk kollha li qed jieħdu sehem f'din l-operazzjoni umana, partikolarment lill-Forzi Armati.

L-istqarrija hija ffirmata mill-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof ta' Għawdex Mario Grech u l-Isqof-Awżiljarju elett ta' Malta Joseph Galea Curmi.

More in Politika