Aġġornata | Lifeline jingħata l-permess biex jidħol fl-ibħra Maltin

Il-kaptan bagħat imejl tard ilbieraħ filgħaxija iżda sa issa għadu bla risposta

Ftit tal-minuti ilu l-bastiment Lifeline ngħata l-permess biex jidħol fl-ibħra territorjali Maltin biex ikun jista' jistkenn mill-mewġ għoli kkawżat mir-riħ li mistenni jiżdied.

Ilbieraħ filgħaxija l-bastiment MV Lifeline talab formalment permess biex ikun jista’ jidħol fl-ibħra Maltin biex ikun  jista’ jistkenn mill-baħar imqalleb.

Il-kaptan tal-bastiment bagħat imejl għall-ħabta tal-11pm tal-bieraħ filgħaxija u talab permess biex ikun jista’ jidħol fl-ibħra Maltin biex jistkennu.

Il-kaptan qal li r-riħ għandu jitqawwa u l-mewġ jikber u ll-baħar qed jagħmel id-deni lil “ammont kbir” ta’ persuni abbord.

Il-bastiment ilu aktar minn ħamest ijiem bejn sema u ilma b'234 immigrant li ġew salvati miż-żona ta' tfittxija u salvataġġ Libjana.

Intant, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li se jkun qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet illum waranofsinhar għall-ħabta tas-siegħa.

Ilbieraħ waranofsinhar, il-Gvern ħabbar li lest iħalli l-immigranti jinżlu f'Malta jekk il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jaċċettaw li jgħinu lil Malta taqsam il-piż.

Jidher li Malta, Franza, l-Italja, il-Portugal u l-Irlanda aċċettaw li jgħinu lil xulxin iżda pajjiżi oħra, fosthom il-Ġermanja, l-Olanda u Spanja għadhom qed jevalwaw il-każ.

Apparti minn hekk, kemm il-Prim Ministru Malti u anke dak Taljan, Giuseppe Conte, saħqu li l-kaptan tal-bastiment għandu jiġi investigat wara li injora struzzjonijiet mogħtija mill-Italja skont il-liġijiet internazzjonali.

NGOs Maltin u Taljani jħeġġu lill-politiċi biex ipoġġu l-immigranti l-ewwel u qabel kollox

Intant, fi stqarrija konġunta, NGOs Maltin u Taljani ħeġġew lill-politiċi biex ipoġġu l-ħajjiet tal-immigranti u s-saħħa tagħhom l-ewwel u qabel kollox.

Huma saħqu li "battibekki politiċi fuq l-immigrazzjoni u r-responsabbilitajiet tal-pajjiżi ma jistgħux jiġu solvuti bil-ksir tal-liġi internazzjonali u billi jpoġġu f'riskju l-ħajjiet tal-persuni u s-saħħa tagħhom."

L-istqarrija tispjega li NGOs li qed isalvaw persuni li jsibu ruħhom f'diffikultà mhux qed jiksru l-liġijiet internazzjonali iżda qed jiddependu fuq l-istati biex iżommu mal-obligazzjonijiet tagħhom u jindikaw port sigur biex l-immigranti jitniżżlu mill-aktar fis possibbli.

Komplew jisħqu li jekk l-immigranti jitniżżlu f'portijiet mhux siguri, bħal-Libja, ikun ifisser li qed jinkisru l-liġijiet internazzjonali u għalhekk ma jistgħu qatt jaċċettaw struzzjonijiet simili.

Kien f'dan id-dawl li l-NGOs urew it-tħassib tagħhom għall-intenzjoni tal-awtoritajiet Maltin u Taljani li jinvestigaw u jieħdu passi kontra l-kaptan tal-bastiment. 

L-istqarrija kienet iffirmata minn: aditus foundation, African Media Association Malta, Associazione ONG Italiane (AOI), CONCORD Italia, Coordinamento Italiano NGO Internazionali (CINI), COSPE Onlus, Foundation for Shelter and Support to Migrants, Integra Foundation, Jesuit Refugee Service Malta, Kopin, LIBICO, Link 2007, Malta Emigrants’ Commission, Migrant Women Association Malta, Moviment Graffitti, People for Change Foundation, Platform of Human Rights Organisations in Malta (PHROM), SOS Malta, SKOP, Terre des Hommes - Italy.

More in Politika