Aġġornata | Il-Gvern jikkonferma li hemm ċans li l-234 immigrant jiddaħħlu Malta

Il-Prim Ministru jinsisti li se jieħu d-deċiżjoni finali meta sitt pajjiżi jaqblu li jieħdu wħud mill-immigranti

Ritratt: Mill-Arkivji
Ritratt: Mill-Arkivji

Il-Gvern ikkonferma li qed jikkunsidra li jħalli l-bastiment Lifeline jidħol f'Malta iżda qabel irid jassigura li aktar pajjiżi jiddeċiedu li jgħinu lil Malta terfa' l-piż u jilqgħu xi immigranti.

Dan minkejja li nhar is-Sibt li għadda, f'intervent fuq ir-radju tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li Malta m'għandha l-ebda obbligazzjoni lejn dan il-bastiment.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li erba' stati membri kkonfermaw li se jagħtu l-għajnuna, iżda żewġ pajjiżi oħra għadhom qed jevalwaw il-każ. Għalhekk se jieħu d-deċiżjoni finali meta dawn iż-żewġ pajjiżi jiddeċiedu x'se jagħmlu.

Tenna li jekk il-bastiment jiddaħħal f'Malta, se tkun qed tinfetaħ investigazzjoni u jittieħdu l-azzjonijiet kollha neċċessarji kontra l-kaptan tal-bastiment li injora l-istruzzjonijiet mogħtija mill-Italja skont il-liġijiet internazzjonali.

Conte jgħid li l-bastiment dieħel Malta u li l-Italja se tieħu wħud mill-immigranti

Għall-ħabta tas-siegħa ta' waranofsinhar, il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte ħabbar li Malta se tkun qed tilqa' fil-portijiet tagħha l-bastiment Lifeline u l-Italja se tkun qed tieħu għadd minn dawn l-immigranti.

Giuseppe Conte saħaq li l-Prim Ministru Malti aċċetta li jniżżel f'Malta l-234 immigrant, li ilhom ħamest ijiem jistennew bejn sema u ilma, bil-patt u l-kundizzjoni li dawn jitqassmu fost il-pajjiżi Ewropej.

Semma wkoll l-investigazzjoni li għandha tibda kontra l-kaptan tal-bastiment li mar kontra struzzjonijiet li rċieva mill-Italja.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte
Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte

"Il-Gvern Malti jinsisti li r-responsabbilità tinqasam"

Fi stqarrija oħra aktar kmieni llum, il-Gvern Malti qal li fl-aħħar 48 siegħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qed imexxi taħdidiet diplomatiċi bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-immigranti abbord il-bastiment Lifeline li ilu aktar minn erbat ijiem bejn sema u ilma.

Fi stqarrija l-Gvern qal li l-pożizzjoni tal-Gvern Malti tibqa' dik li l-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea jaqsmu r-responsabbilità u għalhekk l-immigranti jitqassmu fost numru ta' pajjiżi membri. 

Meta jidher li jkun hemm qbil bejn il-pajjiżi, il-bastiment jiddaħħal fl-aktar port viċin u sigur, iżda sa dak il-ħin, l-istqarrija fl-ebda ħin ma ssemmi li dan se jkun dak Malti.

Apparti minn hekk, il-Gvern Malti qed jinsisti li jiġri x'jiġri, il-kaptan tal-bastiment ikun investigat wara li dan injora struzzjonijiet mogħtija lilu mill-awtoritajiet Taljani skont il-liġijiet internazzjonali. 

Irringrazzja wkoll lill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker li qed jagħtu l-appoġġ kollu li hemm bżonn lil dawn it-taħdidiet.

Reuters jikkwota kelliem għall-Gvern Franċiż...

Aktar kmieni dalgħodu, siti tal-aħbariijet internazzjonali, ewlieni fosthom Reuters, qalu li Malta se tkun qed issalva l-230 immigrant abbord il-bastiment Lifeline li ilu erbat ijiem bejn sema u ilma.

Reuters irrapporta li l-Gvern Malti qabel li jħalli l-bastiment jidħol f'Malta wara diskussjoni tard it-Tnejn filgħaxija bejn il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat.

L-istess rapport jgħid li dan kien ikkonfermat mill-kelliem tal-Gvern Franċiż, Benjamin Griveaux li saħaq kif l-aħjar soluzzjoni Ewropea kienet li l-bastiment jitħalla jidħol Malta u Franza tinsab lesta li tibgħat tim biex ikun jista' jevalwa kull individwu abbord u jekk dawn ħaqqhomx l-ażil.

Iżda sa dalgħodu, il-Prim Ministru Muscat kien qal biss li l-Forzi Armati ta' Malta evakwaw immigrant minn fuq il-vapur minħabba li kellu bżonn għajnuna medika. 

Dan il-bastiment huwa t-tieni wieħed li daħħal lil Malta u lill-Italja f'sensiela ta' battibekki bejniethom, bid-Deputat Prim Ministru Taljan, Matteo Salvini, saħansitra jiddeskrivi lil Malta bħala inumana.

Wara l-kwistjoni tal-bastiment Aquarius, li kellu fuqu 'l fuq minn 600 immigrant u li kien irrifjutat mill-Italja, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu f'summit informali fi Brussell u mistennija jerġgħu jagħmlu dan aktar tard din il-ġimgħa.

Il-Gvern Taljan irattab qablu għal 106 immigrant

Intant, bastiment Daniż li kellu abbord 106 immigrant tħalla jidħol fil-port Sqalli ta' Pozzallo, wara erbat ijiem jistenna 'il barra mill-kosta Taljana.

Il-Ministeru għall-Intern Taljan ikkonferma li aċċetta li l-bastiment jiddaħħal f'Pozzallo. Is-Sindku ta' Pozzallo kien ilu li aċċetta li jdaħħal il-bastiment, iżda l-Gvern Taljan baqa' jirrifjuta l-permess sal-bieraħ tard filgħaxija.

More in Politika