'Għolli l-mużika u jinqatagħlek id-dawl' - is-Sindku tal-Belt

Stħarriġ tal-Eurostat wera kif ir-residenti Beltin huma l-inqas kuntenti bil-livell tal-istorbju fost ir-residenti tal-ibliet kapitali Ewropej. Is-Sindku tal-Belt Valletta ma jaqbilx ma’ postijiet ta’ divertiment fiż-żoni residenzjali

Is-Sindku tal-Belt Valletta, il-Professur Alexiei Dingli, qal mal-gazzetta ILLUM li sidien ta’ postijiet ta’ divertiment fil-Belt Valletta għandhom ikunu kostretti jinstallaw ‘Sound Meters’ li jaqtgħu awtomatikament id-dawl jekk l-istorbju f’dawn l-istabbilimenti jaqbeż ċertu livelli.

Din hija waħda mis-soluzzjonijiet li skont is-Sindku tista’ tnaqqas l-inkonvenjent tal-istorbju fuq ir-residenti Beltin minħabba ristoranti u bars li qed jinfetħu f’żoni residenzjali.

Dingli saħansitra qal li huwa kontra li jingħataw permessi għal stabbilimenti li jestendu l-imwejjed u d-divertiment fit-toroq residenzjali tal-Belt Valletta u appella biex iż-żona residenzjali Beltija tkun protetta minn dan l-iżvilupp.

54% tal-Beltin mhux kuntenti bl-istorbju fil-Belt

L-ILLUM tkellmet ma’ Dingli wara li stħarriġ tal-Eurostat wera kif fost ir-residenti tal-ibliet Kapitali Ewropej jew bliet kbar oħra, dawk Beltin huma l-inqas kuntenti bil-livell ta’ storbju fil-Belt Valletta.

Minkejja li l-Beltin huma magħrufa bħala nies li jafu jiċċelebraw, biżżejjed issemmi l-karnival u l-futbol, 34% tar-residenti Beltin wieġbu li ma huma kuntenti xejn bil-livell tal-istorbju fil-Belt Valletta. Jekk ma dawn wieħed iżid lil dawk li wieġbu “ftit li xejn kuntenti” bil-livell tal-istorbju, in-numru jitla’ għal 54% tar-residenti Beltin.

Dan ifisser li minkejja ċ-ċokon u l-limitazzjonijiet tal-Belt Valletta, ir-residenti Beltin huma inqas kuntenti minn dawk ir-residenti tal-ibliet li huma ħafna akbar, fosthom Madrid, Pariġi, Brussell, Amsterdam u  saħanistra Londra.

Hawn ta’ min wieħed jagħmel parentesi żgħira u jispjega kif dan l-istħarriġ, ippubblikat ftit tal-jiem ilu, sar fl-2015 u fi żmien tliet snin, il-postijiet ta’ divertiment fil-Belt Valletta faqqsu bħall-flieles, biżżejjed tħares biss lejn Triq it-Teatru l-Antik u l-famuża Strada Stretta.

Is-Sindku tal-Belt Valletta, Alexiei Dingli
Is-Sindku tal-Belt Valletta, Alexiei Dingli

Il-Kunsill joġġezzjona għal kull ristorant jew bar fiż-żona residenzjali

Mistoqsi jekk jaħsibx li l-istorbju huwa waħda mill-problemi ewlenin tal-Belt Valletta, is-Sindku wieġeb fil-pożittiv u saħaq li l-Kunsill Lokali qed iżomm din is-sitwazzjoni taħt għajnejh u joġġezzjona meta jsir jaf li se jinfetaħ ristorant jew bar fiż-żona residenzjali.

Dingli saħaq li r-residenti qed iressqu diversi ilmenti għax fi kliemu “qed isofru” jew minħabba stabbilimenti li jdoqqu l-mużika għolja, b’uħud minnhom bla permess jew minħabba storbju li joħolqu persuni li joħorġu jiddevertu fuq barra tal-istabbilimenti, mingħajr l-ebda rispett lejn ir-residenti li jgħixu fil-viċin.

‘Min suppost qed jipproteġi l-Belt qed jagħlaq għajnejh’

Kien hawn li qal li minkejja l-ilmenti li ressaq il-Kunsill, ħafna drabi l-oġġezzjonijiet waqgħu fuq widnejn torox.

“Nies li suppost qegħdin hemm biex jipproteġu l-Belt qed jagħlqu għajnejhom u dan jista’ jwassal biex jirvina l-karattru uniku tal-Belt permezz ta’ żvilupp żejjed u bla rażan li ma jagħtix kas il-bżonnijiet tar-residenti li jgħixu fil-kapitali,” saħaq is-Sindku. “Għamilna bosta ilmenti u kellna numru ta’ laqgħat ma’ entitajiet differenti biex tinstab soluzjoni fuq il-problema tal-istorbju. Iżda dejjem issib dawk il-ftit sidien li jinjoraw il-ligi.”

Iżda x’jista’ jsir? Kif tista’ twaqqaf il-mijiet ta’ persuni li fi tmiem il-ġimgħa qed jagħżlu l-Belt Valletta biex iqattgħu ħin mal-familja jew il-ħbieb? Qabel l-introduzzjoni tas-‘Sound Meters’, għas-Sindku hemm soluzzjoni li hija ħafna aktar sempliċi. Saħaq li hemm bżonn infurzar serju mill-awtoritajiet biex jiżguraw li l-istabbillimenti jkunu konformi mal-liġi.

‘L-istorbju qed jaffettwa s-saħħa mentali tar-residenti’

Waqt li kkwota l-Kodiċi Kriminali, is-Sindku fakkar li l-liġi hija ċara u tonda: Huwa ħati ta’ kontravenzjoni kull min “bil-lejl,  jikser  il-mistrieħ  tan-nies  bi  ħsejjes  jew għajjat, jew b’mod ieħor.”

Qal ukoll li Malta hija nieqsa minn liġijiet fuq il-livell tal-istorbju jew inkella huma liġijiet limitati u kien għalhekk li appella biex tidħol fis-seħħ liġi aktar ħarxa fuq dawn l-abbużi, għax skontu, l-istorbju mhux qed joħloq biss inkonvenjent għar-residenti, iżda saħanistra qed jaffettwa ħażin is-saħħa mentali tagħhom.

Intant, wara li stħarriġ ieħor tal-Eurostat kien poġġa lil Malta bħala l-aktar pajjiż storbjuż fl-Unjoni Ewropea, kelliem għall-Ministeru għall-Ambjent, kien qal mat-Times of Malta li fil-futur qrib se jitressaq abbozz ta’ liġi biex tiġġieled it-tniġġis mill-istorbju.

Is-Sindku tal-Belt irid li Sound Meters jiġu installati fil-postijiet ta' divertiment
Is-Sindku tal-Belt irid li Sound Meters jiġu installati fil-postijiet ta' divertiment

Ma tistax torqod minħabba l-istorbju? X’għandek tagħmel?

Imma l-Kunsill se joqgħod b’idu fuq żaqqu u ma jagħmel xejn? Skont Alexiei Dingli, f’dan ir-rigward il-Kunsill Lokali jaħdem mill-qrib man-Noise Abatement Society of Malta (NASOM), tant li nħolqot proċedura sempliċi ħafna li tistipola x’għandu jagħmel resident meta jkollu ilment minħabba l-istorbju. Din hija bbażata fuq tliet passi:

  • Djalogu: Tkellem ma’ min qed jagħmel l-istorbju. Ħafna drabi persuni jindunaw li qed jagħmlu wisq storbju u jdejqu n-nies meta xi ħadd jiġbdilhom l-attenzjoni
  • Medjazzjoni: Jekk il-problema tippersisti, tkellem ma’ terzi persuni li jisimgħu x’għandek tgħid inti u anke lil min qed joħloq l-inkonvenjent, bil-għan li tinstab soluzzjoni. Importanti li qabel kollox il-problema tkun solvuta b’mod informali. F’każ li jkollok tieħu azzjoni legali, il-fatt li tkun aġġixxejt b’mod responsabbli se taħdem favur tiegħek.
  • Irrapporta: Jekk ma jirnexxilekx bil-kelma t-tajba, tiħux il-liġi b’idejk iżda rrapporta lill-awtoritajiet ikkonċernati. Jekk l-istorbju huwa wara l-5pm, irrapporta lill-pulizija fl-għassa lokali.

More in Politika