Il-Maltin: fost l-aktar popli li jafdaw lill-UE

...imma l-Griegi u l-Brittaniċi ma jafdawha xejn

Il-Maltin jibqgħu fost l-aktar poplu fl-Unjoni Ewropea li huwa pro-UE jew fost l-aktar jgħaddi ġudizzju pożittiv dwar dan il-blokk li jgħaqqad fih 28 pajjiż.

Jikkonferma dan stħarriġ li għadu kif kien ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea. Meta mistoqsijin jekk jafdawx lill-UE, 52% tal-Maltin wieġbu fil-pożittiv, filwaqt li 29% qalu li huma ma jafdawx lill-UE, 19% wieġbu ‘ma nafx’. Dan jimmarka żieda ta’ 1% fil-Maltin li għandhom fiduċja fl-UE meta mqabbel mal-perjodu tal-ħarifa fl-2017

Malta tiġi mal-ewwel 10 pajjiżi illi fihom il-poplu jafda lill-UE. Il-pajjiż illi fih l-aktar li hemm persentaġġ ta’ nies li jafdaw l-UE hija l-Litwanja b’66%, segwita mill-Portugal u d-Danimarka, it-tnejn b’57% u l-Lussemburgu b’56%.

Min-naħa l-oħra u forsi mhux b’wisq sorpriża l-Greċja u r-Renju Unit huma l-pajjiżi illi fihom hemm l-inqas fiduċja fl-Unjoni Ewropea. Fil-Greċja 69% tal-poplu m’għandux fiduċja fl-UE. Dan ma jiġix wisq bħala sorpriża hekk kif l-ekonomija Griega għadha kajmana u għad hemm nuqqas kbir ta’ xogħol. Dan apparti li għadha friska l-memorja tal-battibekk li l-PM Grieg Alexis Tsipras kellu mal-pajjiżi tal-UE minħabba miżuri imposti fuq il-Greċja biex setgħet tingħata l-bailout, tliet snin ilu. Huma ftit iktar minn kwart tal-Griegi, jew 27% biss li għandhom fiduċja fl-UE. It-tieni pajjiż bl-inqas rata ta’ fiduċja fl-UE huwa r-Renju Unit, li bħalissa għaddej bil-proċess biex jitlaq minn dan il-blokk politiku u fejn 57% ma jafdawx lill-UE.

Pajjiżi oħrajn fejn il-fiduċja hija baxxa huma Franza, l-Italja u Ċipru.

Intant 40% taċ-ċittadini Ewropej għandhom  immaġini pożittiva tal-UE, 37% għandhom immaġini newtrali u 21% biss għandhom immaġini negattiva. L-aktar pajjiżi li għalihom l-UE hija xi ħaġa pożittiva huma l-Irlanda b’64%, il-Portugall b’56% u l-Lussemburgu b’54%. Malta mhix wisq ’il bogħod b’50% illi fil-fatt jimmarka żieda ta’ 5%.  Min-naħa l-oħra, 39% għandhom idea newtrali tal-UE (-7%) u 9%  għandhom idea negattiva.

L-inqas li għandhom immaġini pożittiva huma l-Ispanjoli bi 33% biss li huma pożittivi u 50% li huma newtrali. Minkejja dan l-Ispanjoli mhumiex l-aktar negattivi dwar l-UE, b’dan l-‘unur’ imur għand il-poplu tar-Renju Unit fejn 29% għandhom immaġini negattiva tal-UE.

Intant maġġoranza assoluta tal-Maltin, bi 53%, jemmnu li l-vuċi tagħhom tinstema’ fl-UE, filwaqt li 38% jemmnu li dan mhux il-każ. L-aktar li jaħsbu illi l-vuċi tagħhom qed tinstema’ huma d-Daniżi b’66% u l-Ġermaniżi u l-Iżvediżi b’65%.

L-inqas li jemmnu illi leħinhom jinstema’ huma dawk mill-Estonja b’20%, il-Griegi b’24% u l-poplu tal-Latvja b’25%.

More in Politika