Ma fhimtx il-liġi ġdida tal-IVF? Aqra hawn

F’Malta mhux diġà għandna aċċess għall-IVF? L-iffriżar tal-embrijuni mhux diġà jseħħ? Jiġifieri ommi tista' ġġorr lit-tarbija tiegħi? Jiġifieri issa koppja ‘gay’ jistgħu jagħmlu l-IVF ukoll? Il-mistoqsijiet fuq fomm in-nies rigward il-liġi ġdida... Bit-tweġibiet il-gazzetta ILLUM

Hekk kif il-Parlament qiegħed fl-istadju li jiddiskuti l-emendi ġodda fil-liġi tal-Embryo Protection Act; il-liġi li ddaħħlet fl-2012 u li biha ġie regolarizzat l-IVF f’Malta, il-gazzetta ILLUM indagat aktar fil-liġi u fl-emendi proposti sabiex twieġeb numru ta’ domandi.

Min jista' jagħmel l-IVF?

  • Is-sitwazzjoni preżenti: L-IVF jista' jsir biss minn koppji eterosesswali u adulti li huma miżżewġin jew f’relazzjoni ‘stabbli’.
  • Bil-liġi l-ġdida: Bil-liġi ġdida kull persuna adulta, irrelevanti mill-orjentazzjoni sesswali tagħha se tkun tista' tagħmel l-IVF. Dan jinkludi wkoll nisa u rġiel li mhumiex f’relazzjoni.

Pass, pass il-proċess tal-IVF

  • Wara li l-omm prospettiva tagħmel perjodu tieħu mediċina ormonali, hi tagħmel operazzjoni li fiha jinġabru l-bajd. Fl-istess ġurnata l-isperma tiġi miġbura mis-sieħeb tagħha. Imbagħad it-tobba jiffertilizzaw dan il-bajd billi jagħqdu flimkien l-isperma u l-bajda, proċess li jsir f’24 siegħa.
  • Jekk il-fertilizzazzjoni tkun suċċess jifforma embrijun. Wara erbat ijiem l-embrijuni jiġu ppjantati ġol-omm. Bil-liġi ġdida t-tobba jistgħu jiffertilizzaw iktar minn żewġ bajdiet u l-embrijuni żejda jiġu preservati għall-futur.

X’jiġri mill-embrijuni żejda?

Jekk ma jkunx hemm talba għall-embrijuni żejda, l-awtorità tista' tagħtihom għall-adozzjoni jekk dawn ma jiġux addottati, jibqgħu ffriżati u jiddeterjoraw biż-żmien.

 Iffriżar tal-embrijuni

  • Is-sitwazzjoni preżenti: Huwa illegali li embrijun jiġi ffriżat waqt trattament tal-IVF. Minkejja dan l-unika eċċezzjoni hija f’każijiet meta l-impjantazzjoni tal-embrijuni ma tkunx tista' ssir minħabba s-saħħa fiżika tal-omm. Eżempju fil-passat kien hemm każijiet fejn l-omm sofriet minn attakk tal-qalb waqt il-proċess tal-IVF, għalhekk l-embrijun li suppost ġie impjantat, kien iffriżat sakemm l-omm tirkupra.
  • Il-liġi l-ġdida: L-iffriżar tal-embrijuni għandu jkun permess għal ftehim bejn il-ġenitur prospettiv u l-awtorità. L-awtorità toħroġ permess ta' ħames snin lill-ġenituri prospettvi u tippermettilhom jiffriżaw embrijuni żejda jekk jaqblu li jitfgħu xi embrijuni mhux użata għall-adozzjoni. Minħabba li l-liġi l-ġdida tippermetti l-fertilizzazzjoni ta’ massimu ta' ħames bajdiet, li minnhom tnejn biss jistgħu jiġu impjantata fil-ġuf, l-iffriżar tal-embrijuni se jsir parti integrali mill-proċess tal-IVF.

Fertilizzazzjoni ta’ bajd

  • Is-sitwazzjoni preżenti: liġi tipprojbixxi l-fertilizzazzjoni ta’ aktar minn żewġ bajdiet pero f’ċertu każijiet, meta dan hu medikament meħtieġ tippermetti eċċezzjoni għal tlett bajdiet biex jiġu fertilizzati. Qabel ma jsir dan t-tobba l-ewwel ikollhom jitolbu l-kunsens tal-awtorità.
  • Il-liġi l-ġdida: it-tobba se jkunu jistgħu jiffertilizzaw sa tliet bajdiet fl-ewwel ċiklu u ħames bajdiet fi kwalunkwe ċiklu ta’ wara.
  • In-numru massimu ta’ bajd fertilizzat li jista' jiġi trasferit fil-ġuf tal-omm f'xi ċiklu wieħed se jkun ta’ tnejn. Kwalunkwe embrijuni żejda se jkollhom jiġu ffriżati.

L-adozzjoni ta’ embrijuni

  • Is-sitwazzjoni preżenti: Għalkemm l-awtorità tagħti permess biex embirjuni ffriżati jmorru għall-adozzjoni din xorta waħda ma tagħtix linji gwida ta kif dan se ssir. Fil-liġi preżenti hemm sena ċans sakemm l-embrijun iffriżat jista' jiġi adottat.
  • Il-liġi ġdida: l-awtorità tista’ titfa' embrijuni ffriżati għall-adozzjoni f’proċess aktar rigoruż. L-awtorità tista' timxi għall-adozzjoni jekk il-ġenituri tal-embrijuni ma jġeddux il-kuntratt ta’ ħames snin ta’ ffriżar jew hekk il-mara taqbeż it-43 sena.
  • Il-liġi ġdida tgħid ċar u tond li l-persuna ma jistax tadotta embrijuni ffriżati minn koppji differenti li mbagħad jiġu ppjantati. Meta l-adozzjoni seħħ id-donatur tal-embrijun jitlef kull dritt u obbligu lejn l-embrijun.

Donazzjonijiet ta’ sperma u bajd

  • Is-sitwazzjoni preżenti: id-donazzjonijiet tal-isperma u l-bajd huma illegali. Gamiti biss mill-ġenituri prospettivi jistgħu jintużaw biex jipproduċu embrijuni li mbagħad jiġu impjantati fl-istess mara li minnha ġew maħsuda l-bajd.
  • Il-liġi l-ġdida: Id-donazzjonijiet ta’ sperma u tal-bajd se jsiru legali. Ġenituri prospettivi jistgħu jidentifikaw id-donaturi, f'liema każ, l-identità tal-persuna tkun magħrufa lilhom. Minkejja dan d-donatur jew id-donaturi ma jistgħux ikunu qraba.
  • Madankollu, ġenituri prospettivi jistgħu jibbenefikaw ukoll mid-donazzjonijiet tal-gamiti billi jużaw il-banek tal-isperma u oċiti. F'dan il-każ, id-donatur jibqa' anonimu.
  • Il-liġi tagħmilha obbligatorja li l-awtorità żżomm reġistru b'informazzjoni medika u informazzjoni oħra dwar id-donaturi anonimi.
  • Din l-informazzjoni se tkun disponibbli għat-tifel imwieled mill-gamiti donati wara li jilħaq is-16-il sena, jew lill-ġenituri jekk meħtieġ.
  • Id-donaturi kollha, kemm jekk magħrufin kif ukoll jekk anonimi, għandhom ikunu ta’ 18-il sena, iżda n-nisa li jiddedikaw il-bajd ma jistgħux ikunu akbar minn 36 sena. Id-donaturi jistgħu jagħmlu donazzjoni waħda biss, u l-gameti jistgħu jintużaw biss f’ġenitur prospettiv wieħed.

 Il-kiri tal-ġuf (Surrogacy)

  • Is-sitwazzjoni preżenti: il-kiri tal-ġuf huwa illegali. Kull min jipparteċipa f’dan il-proċess jista' jiġi mmultat sa massimu ta’ €15,000 kif ukoll sentenza ta’ 3 snin ħabs.
  • Il-liġi l-ġdida: il-kiri tal-ġuf kummerċjali se jibqa' illegali u punibbli bħal-lum. Però se jkun qed jiddaħħal kiri tal-ġuf altruwsita; fil-passat reċenti l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li t-tip ta’ kiri ta’ ġuf se jkun suġġett għal eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika.

Riċerka fuq l-embrijuni

  • Is-sitwazzjoni preżenti: Riċerka fuq embrijuni hija illegali.
  • Il-liġi l-ġdida: Riċerka fuq embrijuni se tibqa' illegali.

Għalfejn l-iffriżar qajjem diskussjoni?

Dawk kontra l-iffriżar tal-embrijuni jgħidu li l-embriijun huwa bniedem li għandu drittijiet u kwalunkwe tentattiv biex dan jinqered jew jiġi ffriżati huwa ksir tad-dritt tal-embrijun għall-ħajja. Fuq in-naħa l-oħra, dawk favur jargumentaw li l-iffriżar mhuwiex ekwivalenti għat-terminazzjoni minħabba li l-ħajja qed tiġi ppreservata u li dan huwa biss grupp ta’ ċelloli u ma jistax jingħata l-istess drittijiet daqs bniedem ħaj.

Għaldaqstant l-argument kontra l-iffriżar ma jiqafx biss mal-prattika iżda wkoll jittratta il-futur tal-embrijuni. Skont il-liġi proposta, l-embrijuni ffriżati li ma jiġux impjantati jistgħu jmorru għad-donazzjoni però, jekk dawn ħadd ma jagħmel talba għalihom jibqgħu ffriżati. Kritiċi ta’ din il-prattika jgħidu li ġenituri prospettivi li se jgħaddu mill-proċess tal-IVF se jkunu jridu jimpjantaw embrijun tagħhom.

Fl-2016, ir-rata ta’ suċċess tal-IVF kienet 20% u għalhekk it-tobba jippreferu trattament ta’ ffriżżar tal-embrijuni. Minħabba dan il-fatt ċertu tobba jemmnu li bl-iffriżar tal-embrijuni se jiżdied iċ-ċans biex koppja jkollha wild u l-omm prospettiva ma jkollhiex terġa' tibda l-proċess mill-bidu nett.

Din il-liġi se żżid il-possibiltà ta’ inċest?

Id-donazzjoni anonima ta’ gamita tista’ twassal għal cirkostanzi bħal dawn, però l-liġi ġdida għandha mekkaniżmu li jisalvagwardja dan. Skont din il-liġi proposta persuna tista’ tagħmel donazzjoni darba biss. Iċ-ċans li żewġ persuni li jiġu minn xulxin jiżżewġu minħabba li ma kinux jafu dan, hi ogħla bl-adozzjoni tal-embrijuni.

Il-kiri tal-ġuf u l-mistoqsijiet dwarha...

L-argumenti rigward il-kiri tal-ġuf, magħrufa bl-Ingliż bħala ‘surrogacy,’ ġeneralment jinvolvu diversi saffi kumplessi fosthom l-emozzjonalità, drittijiet ta’ awtonomija tal-ġisem, u kwistjonijiet tad-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-aħħar punt joħloq klima ta’ dibattitu waħdu hekk kif, nisa minn pajjiżi tat-tielet dinja sikwit ikunu reklutati għal ‘surrogacy’. Kritiċi jargumentaw li l-esternalizzazzjoni ta’ kiri tal-ġuf lejn dawn it-tip ta’ pajjiżi, fejn sikwit jinvolvu ħlas attraenti għas-servizzi tal-ġisem hu ta’ disprezz lejn l-omm surrogata u jargumentaw ukoll fuq il-punt li jisfrutta l-organi riproduttivi tagħha u l-kapaċità għall-qligħ personali tal-għonja. Madankollu, dawk li jappoġġjaw il-kiri tal-ġuf, jenfasizzaw fuq l-opportunitajiet ekonomiċi enormi għal dawn in-nisa fid-dawl tal-isfond edukattiv u ċ-ċirkostanzi soċjali tagħhom. Jekk il-kuntratti ta’ kiri tal-ġuf huma trasparenti u l-ommijiet sostituti huma protetti minn liġijiet adegwati, wieħed jista’ jargumenta li d-dħul għall-ommijiet twassal għal titjib fil-ħajja personali tagħhom.

Apparti minn dan, jeżistu wkoll kwistjonijiet ta’ koerzjoni u kontroll fuq il-kapaċitajiet riproduttivi tan-nisa. Gruppi femministi jargumentaw li d-drittijiet ugwali għan-nisa jfisser li l-mara għandha tkun libera li tagħżel għaliha nnfisha l-istil ta’ ħajja li trid tgħix, il-libertà sesswali u riproduttiva. Hemm ukoll argumenti bbażati fuq il-punt ta’ demokrazija li jsostnu l-ħtieġa għal-libertà riproduttiva, filwaqt li jikrittikaw id-dritt tal-gvern li jintervjeni f’kwistjonijiet ta’ għażla personali.

L-każ ta’ ‘Baby M

L-ewwel kuntratt formali ta’ dan it-tip tfassal fl-1976 fl-Amerika. Għaxar snin wara, Baby M, spiċċa f’nofs kontroversja nazzjonali, meta s-surrogat (il-mara li welldet it-tarbija) bidlet il-ħsieb tagħha u fetħet każ legali, mingħajr suċċess, għall-kustodja tat-tifel, li ġenetikament kien tagħha. Il-furur ta’ dan il-każ wassal għal projbizzjonijiet fi New York u diversi stati oħra.

Madankollu, skont Surrogacy UK, għaqda karittativa, Brittanika, s’issa ma kien hemm l-ebda każi simili ta’ ‘Baby M’ fl-Ingilterra f’dawn mill-2002, anke jekk minn dakinhar ’l hawn madwar 180 tarbija twieldu bis-surrogacy.

L-istess għaqda tinkoraġġixxi liż-żewġ partijiet fil-qbil biex isiru jafu lil xulxin għal mill-inqas tliet xhur qabel jippruvaw jikkonċepixxu. Nuqqas ta' qbil dwar xi ħaġa importanti sservi bħala twissija biex ma titkompliex.

Il-kiri tal-ġuf huwa legali fir-Renju Unit, iżda, l-ebda parti fil-qbil ma tista’ tkun involuta kummerċjalment, jiġifieri, tirċievi miżati għall-kiri tal-ġuf. Apparti minn hekk, ir-reklamar għall-kiri ta’ ġuf mhux permess, is-surrogat jista' jirċievi biss ħlas biex ikopri l-ispejjeż li ġarrab meta kien tqil għall-ġenituri maħsuba tiegħu. Kiri tal-ġuf kummerċjalizzat huwa legali biss f’xi Stati Amerikani, l-Ukranja u l-Ġorġja

Apparti minn hekk, persuni waħedhom huma projbiti milli jagħmlu użu minn surrogacy għalhekk bosta ċittadini Ingliżi, jivvjaġġaw sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dan. Fir-Renju Unit ukoll, minn April 2010 kien possibbli wkoll għall-koppji tal-istess sess biex iwettqu l-kiri tal-ġuf fir-Renju Unit.

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne sostna li l-emendi li qed jiġu proposti fil-Parlament għal-liġi IVF huma favur il-ħajja, il-Viċi Prim Ministru qal li għandna bżonn inneħħu “l-idea li se nkunu qed noqtlu embrijuni jew ma nħarsuhomx.” "Il-liġi bħalissa tagħmel ħsara lill-embrijuni, filwaqt li l-emendi tagħna huma miżura favur il-ħajja.

Il-Partit Demokratiku appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex ma jkomplix għaddej bl-emendi proposti għal-Liġi tal-IVF, li fost affarijiet oħra se jkun qed jippermetti l-iffriżar tal-embrijuni, marbut mal-adozzjoni.

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku fakkar li l-Liġi Maltija tirreferi ċar u tond għat-tarbija mhux imwielda bħala persuna. “Għalhekk għandha l-istess drittijiet tat-trabi kollha mwielda. ”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u mexxej tal-Partit Nazzjonalista għamilha ċara li hu kontra dawn l-emendi u għalkemm kien se jagħti l-free vote lid-deputati Nazzjonalisti, fil-futur Gvern Nazzjonalista se jirrevoka emendi għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.

More in Politika