Stħarriġ | Tal-Alternattiva u ż-żgħażagħ l-aktar li jaħsbu li l-Knisja mhix influwenti

Il-gazzetta ILLUM tippubblika stħarriġ dwar kemm il-poplu jaħseb li l-Knisja hija influwenti. Hawn huma r-riżultati...

It-tliet mexxejja tal-Knisja Maltija fl-aħħar 10 snin
It-tliet mexxejja tal-Knisja Maltija fl-aħħar 10 snin

Minkejja li bosta jgħidu jew iħossu li l-Knisja m’għadhiex daqstant effettiva jew inkella li tilfet ħafna mis-saħħa li seta’ kellha sa madwar 30 jew 40 sena ilu,  stħarriġ mill-Kamra tal-Aħbarijiet Mediatoday juri illi fil-fatt maġġoranza ta’ Maltin iħossu li l-Knisja għad għandha saħħa konsiderevoli.

L-istħarriġ li sar ġimgħa ilu, hekk kif il-pajjiż beda kien riesaq lejn il-perjodu tal-Għid, juri li 92.8% tal-Maltin u l-Għawdxin jemmnu li l-Knisja Kattolika f’Malta għandha influwenza qawwija jew inkella medja fuq is-soċjetà.

Fil-fatt, minn fost dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ jirriżulta li 75.8% ta’ dawk li pparteċipaw, jew aktar minn tliet kwarti tal-poplu Malti, iħossu li l-Knisja għad għandha influwenza ‘medja’ fuq il-poplu. Jiġifieri li għandha influwenza f’ċerti oqsma u m’għandhiex f’oħrajn.

Minkejja dan 17% jħossu li l-Knisja għad għandha saħħa kbira ħafna biex tħalli impatt fuq is-soċjetà Maltija.

Huma 7.2% biss dawk il-Maltin li jħossu illi l-Knisja ftit li xejn għandha effett fuq il-Maltin.

Għalkemm ir-risposta ma tirriflettix kemm hawn Maltin u Għawdxin li fil-fatt huma prattikanti jew kemm jaqblu mat-tagħlim u d-dommi tal-Knisja, in-numri li jiżvela l-istħarriġ jitfa’ dawl fuq kemm il-Maltin iħossu li l-Knisja għandha effett fuq il-mod kif ngħixu u l-bidliet li jkunu qed isiru fil-pajjiż.

Din il-perċezzjoni ta’ Knisja li għadha ‘b’saħħitha ħafna’ jew ‘xi ftit jew wisq b’saħħitha’ hija waħda popolari ħafna, f’kull grupp ta’ etajiet, f’kull żona tal-pajjiż u fost kull grupp differenti ta’ nies maqsumin skont kif ivvutaw fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Fost il-ġenerazzjoni żgħażugħa, jew dawk bejn it-18 u l-35 sena, 74% jemmnu li l-Knisja għadha b’saħħitha imma forsi mhux daqs kemm kienet fil-passat. Mhux b’sorpriża, fost dan il-grupp hemm l-akbar persentaġġ ta’ persuni (13%) li jħossu illi l-Knisja ftit li xejn għandha influwenza fuq is-soċjetà Maltija. Min-naħa l-oħra iżda kważi l-istess persentaġġ, jemmnu li l-Knisja hija influwenti ħafna.

L-aktar żewġ gruppi ta’ nies li jħossu illi l-Knisja Kattolika hija jew influwenti ħafna, jew inkella li hija influwenti, imma mhux wisq, huwa fost dawk minn 51 sena ’l fuq. Fil-fatt fost dawk bejn 51 u 65 sena 17.3% jemmnu li l-Knisja hija influwenti ħafna, filwaqt li 78.8% jħossu li hija influwenti, imma mhux daqstant. Huma 3.7% biss li jħossu illi l-Knisja ftit li xejn għandha effett. Fost l-anzjani li għandhom aktar minn 66 sena, wieħed minn kull erba’, jew 25%, jħossu li l-Knisja hija effettiva ħafna, 71% jemmnu li la hi effettiva ħafna, però lanqas ftit u 3.9% jemmnu li mhi effettiva xejn.

Ħafna Maltinj iħossu li l-Knisja għadha b'saħħitha ħafna jew xi ftit jew wisq b'saħħitha
Ħafna Maltinj iħossu li l-Knisja għadha b'saħħitha ħafna jew xi ftit jew wisq b'saħħitha

Tal-Alternattiva l-inqas li jaħsbu illi l-Knisja hija influwenti

Is-sitwazzjoni fost in-nies imqassmin skont lil min ivvutaw, hija simili għajr għal dawk li fl-2017 ivvutaw lill-Alternattiva Demokratika. Fil-fatt fost dawk li vvutaw lil dan il-partit ħadd ma jemmen li l-Knisja għandha influwenza kbira fuq is-soċjetà. Min-naħa l-oħra iżda fost dawk li vvutaw AD 83% jemmnu li l-Knisja għandha effett medju fuq is-soċjetà Maltija.

 Il-votanti tal-PN huma l-aktar li jħossu li l-Knisja Kattolika għandha ‘ħafna influwenza’ fuq is-soċjetà b’20%. Dawk li vvutaw lill-Partit Laburista mhumiex wisq ’il bogħod b’17.3%.

Minkejja kull perċezzjoni mod ieħor, huma aktar il-votanti Nazzjonalisti li jemmnu illi l-Knisja Kattolika m’għandha ebda saħħa, b’6.6%. Min-naħa l-oħra 4.3% tal-Laburisti jew dawk li vvutaw lill-PL fl-2017.

L-ogħla persentaġġ ta’ nies li jemmnu illi l-Knisja m’għandhiex influwenza fuq is-soċjetà huwa fost votanti tal-AD, b’19.3%.

Tal-Kottonera... l-aktar li jaraw Knisja effettiva ħafna

Dawk li jgħixu fiż-żona tan-Nofsinhar tal-Port, li tinkorpora fiha l-Kottonera u l-lokalitajiet tal-madwar, huma l-aktar li jemmnu illi l-Knisja hija influwenti ħafna fuq is-soċjetà Maltija. Fil-fatt huma prattikament wieħed minn kull erba’, jew 24.8%, illi wieġbu illi l-Knisja hija effettiva u influwenti. Dan jikkuntrasta mat-13.2% f’Għawdex u 13.8% fin-naħa ta’ fuq tal-Port, jew il-lokalitajiet li jinkorporaw Tas-Sliema u dawk viċin. Minkejja dan tajjeb li wieħed jiċċara mill-ewwel illi 82.8% ta’ dawk li pparteċipaw u jgħixu Għawdex jemmnu li l-Knisja hija influwenti, għalkemm mhux ‘ħafna’. Dan ifisser li 96% tal-Għawdin jemmnu li l-Knisja hija  b’xi mod influwenti. Huma biss 4% tal-Għawdxin li jaħsbu li mhix.  

93% ta’ dawk li jgħixu fin-naħa ta’ fuq tal-Port jemmnu li l-knisja hija influwenti, filwaqt li 97.2% ta’ dawk li jgħixu fil-Lbiċ ta’ Malta jemmnu li l-Knisja hija infulwenti (17.3% - ħafna u 79.9 % - la ħafna u lanqas ftit). L-ogħla persentaġġ ta’ nies li jemmnu illi l-Knisja ftit li xejn hija influwenti huwa fil-Punent tal-pajjiż, b’14.3%.

Dan l-istħarriġ juri illi minkejja referendum dwar id-divorzju li ntilef minn dawk li opponewh, primarjament il-Knisja u minkejja l-introduzzjoni mingħajr wisq problemi ta’ diversi liġijiet u bidliet li l-Knisja opponiet (żwieġ bejn persuni tal-istess sess...) il-poplu xorta jħoss li l-Knisja Kattolika għad għandha influwenza fuq is-soċjetà Maltija.

Dan l-istħarriġ jista’ juri wkoll kemm se jkollha saħħa l-Knisja f’każ illi d-dibatittu dwar l-introduzzjoni jew id-dikriminalizzazzjoni tal-abort jaqbad momentum.

Apparti kwistjonijiet leġislattivi u purament politiċi, il-Knisja hija preżenti ħafna fil-komunitajiet Maltin permezz ta’ diversi avvenimenti u għaqdiet, primarjament dawk relatati mal-festi, mal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid u ma’ avvenimenti oħrajn marbutin mal-komunità. Apparti dan imma l-Knisja hija direttament preżenti permezz ta’ diversi għaqdiet bħal Caritas u residenzi bħad-Dar tal-Providenza illi huma viżibbli ħafna u li jagħtu għajnuna kbira lill-foqra u dawk kollha li għandhom diżabilità.

Il-Knisja għadha preżenti ħafna fil-komunità
Il-Knisja għadha preżenti ħafna fil-komunità

Dan jista’ jfisser illi lil hinn mill-influwenza tal-Knisja fuq il-midja u fuq kwistjonijiet strettament etiċi, morali u/jew politiċi l-preżenza tal-Knisja Kattolika f’kull qasam tas-soċjetà Maltija għadha tagħmilha istituzzjoni li tidher b’saħħitha u li allura għandha effett u influwenza kbira fuq il-poplu Malti.

Metodoloġija

Dan l-istħarriġ sar bejn nhar l-Erbgħa 21 ta’ Marzu 2018 u nhar it-Tlieta 27 ta’ Marzu. Ipparteċipaw b’kollox 553 persuna.

L-istħarriġ sar ukoll skont il-ġeneru, l-età u r-reġjun bl-użu ta’ data mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Il-marġinu ta’ żball huwa ta’ madwar 4.2%. 

Il-parti l-oħra tal-istħarriġ qed tkun ippubblikata fuq il-gazzetta Maltatoday.

More in Politika