Jiltaqgħu Steward u l-MUMN; Il-Gvern jgħid li kienet laqgħa pożittiva

Il-Ministeru qal li matul il-laqgħa ġew diskussi diversi temi fosthom li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jibqgħu l-istess

Il-Ministeru għas-Saħħa saħaq li fl-aħħar sigħat saret laqgħa bejn il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel u l-kumpanija Steward Healthcare Malta.

Fi stqarrija, il-Ministeru qal li matul il-laqgħa, li ddeskiriviha bħala pożitivva, ġew diskussi diversi temi fosthom li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jibqgħu l-istess, li l-ħaddiema jibqgħu impjegati mal-Gvern u li s-servizz fl-Isptar San Luqa, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fl-Isptar Karen Grech jibqa’ b’xejn għall-kulħadd.

Issemma wkoll il-bini tal-kampus tal-iskola għall-infermiera, Northumbria, fejn skont l-istqarrija, Steward Healthcare Malta tennew l-impenn tagħhom li dan il-kampus ikun wieħed mill-prijoritajiet tagħhom.

Steward Healthcare ħadet f’idha t-tmexxija tat-tliet sptarijiet mingħand il-Vitals Global Healthcare ftit tal-ġimgħat ilu, wara li ftit qabel il-Milied kien sar magħruf li l-VGH kienet se tbigħ il-konċessjoni tagħha, inqas minn sentejn wara li rebħet il-kuntratt.

Ħmistax ilu, kien ikkonfermat li Steward Healthcare neħħiet lil xi ħaddiema mill-Isptar Karin Grech. Kienet iċċarat li dawn il-ħaddiema kienu parti mill-amministrazzjoni tal-istess sptar u mhux ħaddiema fuq il-kotba tal-Gvern.

F’kuntatt mas-sit illum.com.mt il-kumpanija Steward Healthcare kienet sostniet li hija kommessa li tara li jkun hemm ir-riżorsi kollha dejjem disponibbli għall-pazjent għalkemm żiedet tgħid ukoll li biex isir il-progress jeħtieġ jittieħdu deċiżjonijiet diffiċli.

More in Politika