'Ilna mill-2015 noġġezzjonaw dwar il-ftehim mal-VGH' - MAM

Illum mistennija laqgħa oħra bejn il-MAM u l-Gvern wara li l-ġimgħa li għaddiet, l-Assoċjazzjoni ppreżentat “proposta għal soluzzjoni”

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qed tinsisti li ilha minn Marzu tal-2015 toġġezzjona dwar il-ftehim mal-VGH, kemm minħabba dak li sejħet bħala nuqqas ta’ esperjenza tal-operatur u anke minħabba “l-periklu” li jinħoloq meta l-Gvern jitlaq għal kollox it-tmexxija ta’ sptarijiet pubbliċi.

Spjegat kif waqqfet in-negozjati mal-Gvern dwar il-Vitals Global Healthcare wara li sar magħruf li l-Ministru Konrad Mizzi kien implikat fil-Panama Papers u anke wara li sar magħruf li ħadd ma jaf min hu l-veru sid tal-VGH, ħlief indirizz fil-British Virgin Islands.

“Prinċipji qabel il-profitt,” inistiet l-Assoċjazzjoni waqt li fakkret li l-Gvern qatt ma ppubblika l-kuntratti sħaħ.

Is-Sibt li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ma jistax jifhem għalfejn il-MAM qed titkellem issa dwar il-ftehim tal-VGH. Fi kliem il-Prim Ministru din kienet kwistjoni solvuta f’Mejju li għadda.

Fl-istqarrija, il-MAM fakkret li flimkien mal-UĦM kienet kitbet lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex l-Awditur Ġenerali jinvestiga l-kuntratti.

Minkejja dan, saħqet li l-Awditur Ġenerali “falla” milli jagħti prijorità lil din il-kwistjoni.

Fakkret ukoll li f’Mejju tal-2017, il-Gvern kien żied mal-ftehim kollettiv ġdid numru ta’ miżuri, fost dawn il-MAM kellha tkun infurmata bil-bejgħ tal-isptarijiet fi żmien sitt ġimgħat qabel ma jsir il-ftehim.

L-istqarrijja ttemm tgħid li l-Gvern falla milli jirrispetta dawn il-miżuri li ttieħdu u kien  dan li wassal għat-tilwim.

Illum mistennija laqgħa oħra bejn il-MAM u l-Gvern wara li l-ġimgħa li għaddiet, l-Assoċjazzjoni ppreżentat “proposta għal soluzzjoni.”

Aktar tard kienet qalet li jekk jibqa’ ma jintlaħaqx qbil, se tkun qed tordna azzjonijiet industrijali oħra nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa.

Il-ġimgħa li għaddiet, strajk tat-tobba, affettwa madwar 3,000 pazjent.

More in Politika