Ċans ta' strajk ieħor mit-tobba din il-ġimgħa

It-tobba jistgħu jistrajkjaw bejn nhar il-Ħamis u nhar il-Ġimgħa

Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija qed jawtorizza lill-unjin tat-tobba biex issejjaħ aktar azzjonijiet industrijali matul il-ġimgħa d-dieħla jekk ma jkunx hemm progress fin-negozjati mal-Gvern.

Jekk ma jkunx hemm progress, it-tobba se jkunu qed jerġgħu jistrajkjaw bejn nhar il-Ħamis 15 ta’ Frar u l-Ġimgħa16 ta’ Frar.

F’riżoluzzjoni, il-kunsill tal-MAM spjega li għadu ma rċieva l-ebda dokument mill-Gvern dwar it-trasferiment tal-konċessjoni minkejja l-wiegħda tat-trasparenza.

Insista li l-indikazzjonijiet huma li l-Gvern mhux se jkun qed jaqbel mal-proposti tal-MAM, jew għax ma jridx jew inkella minħabba klawżoli li jeżistu fil-kuntratt.

Il-MAM se tkun qed tikteb lill-partijiet kollha nvoluti fil-konċessjoni u anke se tkun qed tinfoma lill-pubbliku, jekk tibqa’ ma tinstabx soluzzjoni.

Ir-riżoluzzjoni tawtorizza lill-MAM biex tipproċedi b’azzjoni legali jekk il-konsulenti legali tagħha jaraw li jkun neċċessajru u anke biex tassigura li l-pazjenti li jkunu tilfu l-appuntamenti tagħhom jingħataw appuntament ieħor sa mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara l-azzjoni industrijali.

Il-Kunsill tal-MAM jerġa’ jagħmilha ċara li hu mhux kontra s-sħubija bejn il-gvern u l-privat iżda huwa kontra tal-prinċipju li l-isptarijiet pubbliċi jkunu mmexxija minn organizzazzjonijiet li l-għan tagħhom huwa li jagħmlu profitt.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-MAM talbet għal investigazzjoni dwar l-għoti tal-appuntamenti fl-Isptar Mater Dei wara li dawn tħassru minħabba l-istrajk ta’ nhar it-Tlieta li għadda.

Fi stqarrija, il-MAM kienet qalet li għandha f’idha rapporti li juru kif qed jintużaw “prattiċi diskriminatorji” fl-għoti tal-appuntamenti permezz ta’ Facebook.

More in Politika