Aġġornata | Deputati tal-PN iltaqgħu ma' tal-PD qabel il-vot fuq il-mozzjoni dwar il-kaċċa

Uħud mid-deputati tal-PN enfasizzaw li l-partit għandu jivvota favur mozzjoni tal-PD dwar limitazzjoni tal-kaċċa fil-Park tal-Majjistral

Sorsi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kkonfermaw mal-ILLUM li numru ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalista ltaqgħu ma’ deputati tal-Partit Demokratiku f’lukanda fil-Floriana, qabel il-vot fuq din il-mozzjoni kontra li jiġu estiżi l-ħinijiet tal-kaċċa f'dan il-park. Mal-ILLUM iżda l-Kap tal-Partit Demokratiku Anthony Buttigieg qal li d-deputati tal-PD qatt ma ddiskutew dan is-suġġett mad-deputati tal-PN.

L-istess sorsi qalu mal-ILLUM li matul laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-PN, li saret is-Sibt li għadda, numru ta’ deputati enfasizzaw li l-partit kellu jivvota favur din il-mozzjoni.

Jirriżulta li matul din il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari, deputati oħrajn għamluha ċara li se jkun il-Partit Nazzjonalista li jiddeċiedi fuq il-politika tiegħu u mhux jimxii skont il-Partit Demokratiku, speċjalment wara li l-koalizzjoni tal-Forza Nazzjonali kienet intemmet.

Dan wara riżoluzzjoni li l-Kumitat Eżekuttiv tal-istess partit kien approva biex din l-alleanza tintemm. Is-sorsi kkonfermaw li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista trid li d-deputati parlamentari tal-partit kollha jivvutaw kontra din il-mozzjoni tal-PD.

Ix-xahar li għadda, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista kien diġà maqsum fil-vot rigward avviż legali fl-għoti ta’ leave biex issir l-IVF barra minn Malta.

Dakinhar il-Partit Nazzjonalista kien ressaq mozzjoni dwar dan l-avviż legali u kienx ingħata ‘free vote’ għax għall-partit il-kwistjoni kienet waħda legali. Fil-vot, 37 deputat kienu ivvutaw kontra u 21 ivvutaw favur.

Sitt deputati tal-Partit Nazzjonalista ma vvutawx u ħamsa kienu ressqu ittra li fiha ddeskrivew għaliex waslu għal din id-deċiżjoni. Il-vot fuq il-mozzjoni tal-Partit Demokratiku se jittieħed aktar tard illum fil-Parlament.

More in Politika