De Marco u Said fost il-ħames MP Nazzjonalisti li ma vvutawx fuq il-mozzjoni tal-PN

L-ismijiet kollha ta' dawk id-Deputati tal-PN li ma baqgħux fil-Parlament waqt il-vot fl-artiklu...Godfrey Farrugia jivvota mal-Gvern u Marlene Farrugia mhux preżenti

Adrian Delia b'mario De Marco fil-viċin, waqt il-festi tal-Indipendenza
Adrian Delia b'mario De Marco fil-viċin, waqt il-festi tal-Indipendenza

Ħames Deputati Nazzjonalisti, għalkemm kienu fil-Parlament, ma baqgħux għall-vot dwar mozzjoni li ressaq il-Partit Nazzjonalista ilejla li trattat il-leave għall-ġenituri li jmorru barra mill-pajjiż biex jgħaddu minn proċessi ta' IVF. Din il-votazzjoni mill-ewwel qanqlet l-oppożizzjoni ta' diversi fil-PN, għalkemm kienet biss Therese Comodini Cachia li qalet pubblikament li kienet se tivvota kontra l-mozzjoni, li lejla sabet id-difiża qawwija tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Delia sostna li fuq din ma kienx hemm vot ħieles u allura il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kollu kien mistenni li jivvota favur il-mozzjoni.  

Apparti dawk li ma setgħux ikunu preżenti minħabba safar jew impejni d-Deputati Nazzjonalisti Karl Gouder, Mario De Marco, Therese Comodini Cachia, Chris Said u Karol Aquilina, għalkemm preżenti waqt id-dibattitu, ma daħlux għall-Plenarja biex jivvutaw fuq mozzjoni tal-PN. Din il-mozzjoni kienet preżentata mill-Viċi Kap David Agius u sekondata mill-Kap tal-PN Adrian Delia.  

Simon Busuttil, skont David Agius jinsab imsiefer u għalhekk ma kienx preżenti, anke jekk ilejla stess għamilha ċara li hu kontra tali mozzjoni.

Godfrey Farrugia vvota mal-Gvern, filwaqt li Marlene Farrugia ma kinitx preżenti. Kien Farrugia li talab Division li wassal biex il-vot jittieħed individwalment u b'hekk ikun magħruf min kien favur u min kontra l-istess mozzjoni.

Il-mozzjoni tal-PN m'għaddietx b'21 vot favur u 37 kontra. 

More in Politika