Casa: 'Muscat hu t-traditur ta’ Malta, mela jien'

Mumenti wara li tintemm iż-żjara tad-delegazzjoni ta’ MEPs f’Malta David Casa ma tantx jidher f’burdata ta’ kompromessi ma’ Joseph Muscat u dawk ta’ madwaru. Mal-ILLUM Casa jirribatti, speċjalment għat-tikketta ta’ ‘traditur’ li ħafna jwaħħlu ma’ ismu...

L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ħoloq diskussjoni politika f’kull rokna tad-dinja. Notevolment, fil-15 ta’ Novembru, il-Parlament Ewropew, wara li fil-ġurnata ta’ qabel iddiskuta s-saltna tad-dritt f’pajjiżna, approva riżoluzzjoni sabiex tiġi investigata s-saltna tad-dritt f’Malta. Din id-deċiżjoni skattat, proċess biex tim investigattiv magħmul minn Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs),  bl-għan ewlieni li  jinvestigaw is-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna. Tul il-ħidma tagħhom f’pajjiżna, id-delegazzjoni ltaqgħet ma' diversi individwi u anke għaqdiet mhux governattivi bil-għan li jifhmu aħjar x'inhi s-sitwazzjoni f'pajjiżna fir-rigward tas-saħħa u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet, primarjament il-Pulizija, il-qrati u l-midja.

Id-delegazzjoni tal-MPE waqt il-konferenza tal-Aħbarijiet
Id-delegazzjoni tal-MPE waqt il-konferenza tal-Aħbarijiet

Ir-riżultat ta’ dan, għalkemm fi stadju bikri, kien żvelat lill-pubbliku ġenerali waqt konferenza stampa, li l-istess delegazzjoni indirizzat. Waqt il-konferenza stampa, L-MEP Sven Giegold li jagħmel parti mill-partit tal-Ħodor, saħaq li hu kien iktar inkwetat illum, milli kien qabel.

Propju ftit minuti wara li din il-konferenza stampa intemmet, l-ILLUM, iltaqgħet mal-MEP David Casa, wieħed mill-Ewroparlamentari li riċentement kien voċiferu rigward is-saltna tad-dritt f’pajjiżna, u saħansitra kien wieħed mill-atturi prinċipali tal-riżoluzzjoni fil-Parlament Ewropew.

Ma’ Casa l-ILLUM, tkellmet fuq diversi suġġetti ta’ interess fosthom, il-funzjonalità tal-Korp tal-Pulizija, il-ġudikatura u l-midja. Is-settur finanzjarju u ‘t-theddid’ li dan qed jaffaċċja, kif ukoll, u rigward it-tikketta li donnu weħlet miegħu illi huwa t-traditur ta’ pajjiżna’.

Fuq din Casa hu skjett. “It-tradituri veru tal-pajjiż huma, il-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. Inkun traditur ta’ pajjiżi kieku nagħlaq ħalqi u ma nitkellimx dwar dak li qed issir f’pajjiżi,” saħaq Casa.

Skontu, il-Prim Ministru ‘missu rażżan’ lil dawn in-nies, mhux ‘tahom iktar lok biex jattakkaw lili jew lil MEPs sħabi, Roberta Metsola u lil-Francis Zammit Dimech.” Casa kompla jisħaq mal-ILLUM, li sakemm, is-sitwazzjoni f’pajjiżna ma tinbidilx, hu se jibqa’ juża l-istituzzjonijiet Ewropej sabiex dak li għandu jsir, isir.

“Ilni 13-il sena niddefendi settur finanzjarju”

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar

Mal-ILLUM, l-MEP Nazzjonalist tkellem ukoll fuq is-settur finanzjarju ta’ pajjiżna, settur li fix-xhur li għaddew sikwit kien f’ċentru ta’ skrutinju u diskussjoni politika kostanti, speċjalment wara li ġew żvelati dokumenti bħal Panama Papers u l-Paradise Papers. F’tal-ewwel, minn Malta, jissemmew Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Casa qal lil din il-gazzetta, li hu kien ilu żmien jiddefendi s-settur finanzjarju mill-pajjiżi kompetituri li ‘jgħiru’ għalina, “ili 13-il sena fil-Parlament Ewropew niddefendi s-servizzi finanzjarji tagħna, is-servizzi finanzjarji ilhom joperaw, però qatt ma kellna din l-attenzjoni fuq is-sistema tagħna.” 

Din l-attenzjoni, skont Casa, hi riżultat tal-aġir ta’ “Keith Schembri, Konrad Mizzi, il-Prim Ministru, il-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali, li qed jagħmlu ħsara lis-settur finanzjarju.”

Ħsara, li skontu hi waħda indifensibbli. “Kif nista' jien niddefendi s-settur finanzjarju b’Joe Bannister fl-MFSA? Kif nista' jien niddefendi settur finanzjarju meta kellek Ministru li mar bil-moħbi l-Panama u New Zealand mal-kriminali, jaġixxi ta’ kriminal u llum għadu Ministru?” jallega Casa. “Meta jkollok Prim Ministru jiddefendi l-liċenzja tal-bank Pilatus. Dawn huma li qed jagħmlu ħsara lill-pajjiż, mela jien! Dawn huma l-veru tradituri,” temm jgħid Casa.

Ir-rivelazzjonijiet mill-Paradise Papers żvelaw li, Joe Bannister, iċ-Chairman tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, (MFSA), inkariga ruħu b’pożizzjoni mhux eżekuttiva f’kumpanija bbażata fil-British Virgin Islands lura għall-2007. Il-kuntratt tal-Professur Bannister jiskadi fl-2019.

Però hu kien diġà, esprima x-xewqa li jirtira bħala l-kap tal-MFSA minħabba ‘raġunijiet personali’.

“Kif nista' jien niddefendi s-settur finanzjarju b’Joe Bannister fl-MFSA? Kif nista' jien niddefendi settur finanzjarju meta kellek Ministru li mar bil-moħbi l-Panama u New Zealand mal-kriminali, jaġixxi ta’ kriminal u llum għadu Ministru?”

ll-ħidma ta’ Bannister kienet fil-mira ta’ ħafna kritika mill-Partit Laburista meta dan kien fl-oppożizzjoni. Fl-2012, il-Ministru Evarist Bartolo, li dak iż-żmien kien Deputat Parlamentari tal-Oppożizzjoni kien appella għar-riżenja tiegħu, dan minħabba ‘fondi’ ta’ investiment li Bannister kellu bbażati fil-Gżejjer Cayman.

Min-naħa tagħhom, il-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri dejjem sostnew li l-istrutturi finanzjarji tagħhom ġew stabbiliti biex jipprovdu għall-familji tagħhom u jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħhom.

Fuq ir-rimedju għal din il-problema li Casa qed jgħid li hemm fis-settur finanzjajru Malti, huwa qal li l-ewwel jeħtieġ li ma niżolawx lil Malta, iżda naraw x’qed isir ukoll f’pajjiżi oħra membri bħal Franza, il-Ġermanja u l-Lussemburgu. “Irridu naraw is-sistema kollha”. Għalhekk, spjegalna Casa, l-Unjoni Ewropea, ma tistax tagħmel miżura waħda li tkun tgħodd għal kull pajjiż.

“Aħna bħala pajjiż, m’għandniex ir-riżorsi, aħna l-iżgħar pajjiż fi ħdan l-UE u allura rridu nsalvaw l-ekonomija tagħna billi jkollna sistema ta’ taxxa attraenti għan-negozju.”

Casa sostna li sistema tagħna hi waħda tajba u rigoruża, “tant kemm għandna sistema tajba li, Keith Schembri u Konrad Mizzi, ma fetħux kumpanija Malta iżda marru barra.”

Minn John Dalli sa Jimmy Magro skont David Casa

L-intervista kompliet tindaga fuq suġġetti pertinenti oħra, din id-darba fuq il-kwistjoni li riċentement iddominat il-midja Maltija, jiġifieri dik tas-saltna tad-dritt. Nibdew bil-pulizija. David Casa jemmen illi l-Gvern qiegħed direttament jindaħal lill-Kummissarju tal-Pulizija u jgħidlu kif jagħmel xogħlu?

“Jiena għandi fiduċja fil-maġġorparti tal-Pulizija, fil-passat ħdimt fl-istruttura tal-Pulizija għalhekk rajt kif għandu jaħdem korp, kif suppost għandu jaħdem. Naf li hemm ħafna uffiċjali tajbin, però bħal f’kull ħaga oħra hemm uffiċjali oħra li jużaw l-arma politika għall-fini tagħhom,” allega Casa

“M’għandix konferma li l-Pulizija qed tiġi mmexxija minn Ministri, però hi stramba li f’erba’ snin jinbidlu ħames kummissarji. Uħud minnhom riedu jipproċedu kontra John Dalli, imbagħad kellek il-każ ta Jimmy Magro, biex insemmi ieħor. Filwaqt li l-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni ddeċidiet kontra l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista dan għadu sal-lum persuna ta’ fiduċja tal-Gvern Laburista. U f’sentejn il-Pulizija ma ħaditx passi,” spjega Casa li jerġa’ jfakkar fil-każ tal-kumpaniji fil-Panama.

Kompla jgħid kif kieku hu kien il-Kummissarju tal-Pulizija kien iniedi investigazzjoni fil-konfront ta’ Mizzi u Schembri fir-rigward tal-każ tal-Panama u li ma jistax jifhem kif meta ffaċjat bil-pressjoni kollha tal-midja, is-Civil Society Network u anke l-Parlament Ewropew hu “xorta baqa’ ma investigax”.

“Kont nipproteġi lil Daphne”

Imma dwar il-qtil ta’ DCG, minn fejn wara kollox qamet il-kritika kollha preżenti lejn il-Kummissarju tal-Pulizija, Casa onestament iħoss li dan kien evitabbli?

“Jien naħseb li f’Malta kulħadd kien jaf li Daphne Caruana Galizia kienet qed tikteb fuq każijiet serji u perikolużi, li fiċ-ċentru tagħhom imdaħħlin fihom kriminali konnessi ma’ gangs u anke dawk viċin ta’ Kastilja” jerġa’ jallega Casa. “Kulħadd kien jaf dan u għalhekk kulħadd jaf ukoll li l-kriminali m'humiex konformi mal-liġi u għalhekk mhux se jirrispondu għall-kitba ġurnalistika b’miżuri konformi mal-liġi,” temm jgħid Casa.

Skont il-Membru Parlamentari Ewropew, kieku hu kien flok il-Kummissarju tal-Pulizija kien jibgħat protezzjoni lil Daphne anke jekk din kienet irrifjutat l-istess tip ta’ protezzjoni.

“Niftakar fiż-żmien ir-referendum tal-Ewropa l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo kien bagħat protezzjoni lili mingħajr ma mort nittallab għaliha f’xi għassa jew inkella b’xi talba personali lilu.”

“Riżultat elettorali ma jagħmilx dak li kien ħażin, tajjeb”

Minkejja dak kollu li qed jgħid Casa u l-PN, għal ħafna xhur il-Partit Laburista rebaħ erba’ elezzjonijiet fuq bażi nazzjonali b’distakk ta’ akbar minn 33,000 vot. Il-PN kiseb l-agħar riżultat li qatt kiseb storikament, f’Ġunju li għadda b’distakk ta’ 36,000 kontrih. Allura dan ma jfissirx li l-poplu rrifjuta l-argumenti ta’ Casa u tal-PN, għal darba, darbtejn, tlieta?

Casa jinsisti b’qawwa iżda, “li dak li hu ħażin jibqa’ ħażin u l-ebda riżultat elettorali ma jista’ jġibu tajjeb.”

Dejjem skont Casa, il-popolarità tal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat baqgħet soda għaliex “il-Gvern xtara l-voti. Nofs l-armata ġiet promossa, biss biss. Skandli kbar saru f’Għawdex, ingħataw balla permessi.”

Casa żvela mal-ILLUM, li ‘xiri ta’ voti’ kien punt li s-Civil Society Network qajmet waqt il-laqgħa tagħhom mad-delegazzjoni tal-MEPs f’Malta, filwaqt li qal ukoll li l-istess organizazzjoni għaddiet evidenza lill-istess delegazzjoni.

Minn kandidat Laburista għal maġistrat?

Induru fuq il-proposta tal-PN li l-Kummissarju jinħatar biż-żewġ terzi tal-Parlament. Għaliex, f’daqqa waħda għall-PN, is-sistema preżenti li ilha fis-seħħ żmien inkluż taħt kull amministrazzjoni Nazzjonalista, saret ħażina?

“Li sar fil-passat m'huwiex ħażin, naturalment trid tevolvi, dawn l-istituzzjonijiet illum bħall-FIAU, l-MFSA li suppost qed jagħmlu xogħol importanti huma kollha mkissra, trid tibqa’ tevolvi għalhekk naqbel li l-mod ta’ kif jinħatar kummissarju tal-Pulizija għandu jinbidel. Din kienet ukoll wegħda elettorali tal-Partit Nazzjonalista," qalilna Casa.

L-MEP, kompla jsostni li llum ninsabu f’sitwazzjoni f’pajjiżna fejn, “tkun kandidat fl-elezzjoni mal-Partit Laburista, ma titlax u tispiċċa Maġistrat.” Minkejja din l-istqarrija Casa xorta stqarr li għandu fiduċja fil-Qrati Maltin.

“Għallinqas qed inserrħu rasna ili l-maġġorparti tal-imħallfin li dejjem qdew dmirhom anke dawk li mhux ġejjin mill-partit tiegħi.”

“Hemm indħil politiku sfaċċat fil-PBS”

Reċentement, waqt seduta parlamentari li ddiskutiet ir-riforma proposta għal-liġi tal-istampa, fl-intervent tiegħu Simon Busuttil qal li “l-Gvern jikkontrolla l-istazzjon nazzjonali” jiġifieri l-PBS u li “l-Gvern jipprova jixtri l-midja indipendenti bir-reklami.” David Casa, jemmen li hemm indħil jew pressjoni mill-Gvern fuq il-midja indipendenti?

Apparti mill-Qrati, il-midja toffri tama għall-David Casa hekk kif skontu dawn, “iż-żewġ istituzzjonijiet, effettivament jiskruttinizzaw xogħol il-politiċi. Skontu, hi ċara li ċertu gazzetti ‘indipendenti’ għandhom indħil poltiku, apparti minn hekk, Casa saħaq li l-istazzjon nazzjonali ċertament mhux ħieles mill-indipendenza.

“Hemm indħil sfaċċat fil-kontroll tal-aħbarijiet tal-PBS, il-Kap tal-Aħbarijiet jimxi b’mod li mhux ġust,” allega Casa fuq Reno Bugeja. Din mhux l-ewwel darba illi l-PN jew xi ħadd fi ħdanu attakka jew poġġa fid-dubju lil Bugeja u l-irwol tiegħu fil-PBS. Minkejja dan l-istess PN qatt ma ntrabat li jġiegħel lil Bugeja jirreżenja jekk ikun fil-Gvern.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank Pilatus, Seyed Ali Sadr Hasheminejad
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank Pilatus, Seyed Ali Sadr Hasheminejad

“Keith Schembri jrid jirrispondi l-mistoqsijiet fi Brussell”

Staqsejna lil David Casa x’se jkun l-eżitu ta’ din iż-żjara tal-MEPs f’Malta li kienet għadha kemm intemmet. Casa informa lill-ILLUM, li waħda mill-miżuri li se jieħdu bħala delegazzjoni se tkun li jappellaw lill-Kummissjoni Ewropea fuq xi tibdil li jrid jsir f’Malta filwaqt ukoll li se jagħmlu ċertu talbiet sabiex ċertu nies jew inkella ma’ dawk li ma ltaqgħux magħhom Malta.

Fost l-oħrajn Casa żvela kif id-delegazzjoni se tkun qed tagħmel talba biex il-Kap Eżekuttiv tal-Bank Pilatus, Seyed Ali Sadr Hasheminejad jitla’ Brussell u jirrispondi mistoqsijiet dwar l-operat tal-bank f’Malta. Casa, saħaq mal-gazzetta li min-naħa l-oħra hu se jaċċerta li tinħareġ stedina biex anke ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri jitla' Brussell sabiex jirrispondi xi mistoqsijiet pendenti “għax mhux kuntenti bir-risposti tiegħu, jien speċjalment. Jien se nkun l-ewwel wieħed li nitlob lil Schembri jiġi u jagħti l-veduti tiegħu.”

Nhar il-Ħadd li ġej il-gazzetta ILLUM se tippublika intervista mal-MEP Laburista Miriam Dalli. 

More in Politika