Tlieta, tnejn, wieħed...u t-tiġrija bdiet

Il-lista issa hija finali....se tkun tiġrija bejn erbgħa minn nies...tiġrija li se twassal għall-aktar mument kritiku tal-Partit Nazzjonalista probabbilment mill-eżistenza tiegħu...l-ILLUM tħares lejn l-ewwel messaġġi ta’ Adrian Delia u Alex Perici Calascione

Il-Partit Nazzjonalista jinsab f’punt kruċjali ħafna. Punt partikolari ħafna fl-istorja tiegħu għaliex ħiereġ minn erba’ telfiet fuq skala nazzjonali li ebda partit ma ġarrab fl-aħħar 53 sena. Kif, fil-fatt kien indika l-editorjal ta’ din il-gazzetta nhar il-Ħadd 11 ta’ Ġunju, iktar minn kriżi numerika l-PN qed jiffaċċja kriżi eżistenzjali. Ta’ fejn jinsab illum u fejn irid imur, tal-valuri li huwa jgħożż u tal-viżjoni li jista’ joffri. It-telfa mhux mistennija (f’termini ta’ daqs) tefgħet lill-PN f’mument ta’ bżonn urġenti ta’ ħsieb profond ta’ għalfejn u għal min jeżisti llum.

U ladarba l-ġurnata minn filgħodu turik l-ILLUM analizzat wieħed mill-ewwel diskorsi ta’ kull kandidat għal din il-kariga, li tagħmel lill-persuna Prim Ministru prospettiv. Din il-ġimgħa se nħarsu lejn l-ewwel diskors ta’ Adrian Delia u Alex Perici Calascione.

Delia: Bidu tajjeb...imma għadna nafu ftit

Delia huwa wiċċ ġdid, fis-sens illi qatt ma kien parti mill-istrutturi tal-partit, għajr li hu tesserat u Kunsillier. Imma qatt ma okkupa pożizzjoni importanti fil-partit, bħalma kien jokkupa Chris Said (Segretarju Ġenerali) u Frank Portelli (President). Din hija xi ħaġa li l-kritiċi tiegħu l-aktar li jsemmu u xi ħaġa wkoll illi fl-ewwel diskors tiegħu quddiem id-Dar Ċentrali tal-PN huwa deher entużjast li jindirizza.

Delia rraġuna illi l-fatt li huwa pjuttost ġdid għandha taħdem favurih għax dan ifisser li jista’ jwassal dak li jaħsbu ‘n-nies fit-triq’ iktar għand il-partit. Delia juża l-frażi ‘nies fit-triq’ iktar minn darba, fil-fatt kien pjuttost interessanti illi għall-mistoqsija tal-ġurnalist tat-Times Ivan Camilleri, Delia staqsa hekk dwar il-battibekki bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-kwistjoni tal-Panama; ‘In-nies fit-triq x’qed jieħdu?’

Il-Panama; ‘Ma ninħlewx fuq suġġett wieħed biss’

Naturalment din hija mistoqsija rettorika li Delia ma weġibx, imma tgħid ħafna. Tgħid illi Delia qed jilgħab il-karta li lagħab il-Partit Laburista u Joseph Muscat, b’suċċess kbir, illi l-allegazzjonijiet/akkużi fil-konfront taċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi, filwaqt li serjissimi, huma xi ħaġa li mhux relatata mal-ħajja tan-nies. Li l-battalja politika li donna ma riedet tispiċċa qatt u li dwarha nfetħu diversi inkjesti, inkluż waħda fuq Muscat innifsu, mhumiex ħobż għal snien il-votant. Delia jista’ jkun illi fehem dan is-sentiment popolari u ried jibni fuqu. Induna li l-poplu, jew parti kbira minnu, kien xeba’ sal-ponta ta’ mnieħru bl-istess diska dwar korruzzjoni u fl-aħħar ivvota fuq il-but, l-ekonomija, in-negozju tiegħu, l-edukazzjoni,is-saħħa u diversi kwistjonijiet aktar bażiċi.

Il-problema, u kien hawn illi ma kienx konvinċenti għall-mistoqsijiet ta’ Camilleri, huwa li ma offriex alternattiva kredibbli biżżejjed għall-mod kif il-Kap uxxenti Simon Busuttil tratta din il-kwistjoni. Kieku Delia kien qed imexxi lill-PN u toħroġ l-istorja dwar Ministru li għandu kontijiet mhux iddikjarati fil-Panama, hu x’kien jagħmel? Ma kienx jitkellem dwarha? Kien jitkellem inqas dwarha? Ma kienx jorganizza protesti fit-toroq, biex ma jidhirx wisq militanti? F’liema punt kien joħroġ lin-nies fit-toroq? Kien iniżżel lin-nies fit-toroq ftit sigħat wara l-allegazzjonijiet ta’ Egrant li saru minn Daphne Caruana Galizia, kif għamel Busuttil? Jew kien iniżżel in-nies fit-toroq mal-allegazzjonijiet dwar Keith Schembri li dwarhom il-PN għandu, jew jisħaq li għandu, il-provi?

Fil-politika l-mument (timing), huwa kruċjali ħafna u jista’ jkun li Busuttil l-aktar li tilef ma kienx meta tkellem dwar il-kwistjoni ‘Panama’, fil-fatt rebaħ meta għamel hekk. Tilef, jew aħjar għaqqad iktar lill-avversarju kontrih, meta fajjar l-ikbar kanun wara l-allegazzjonijiet ta’ Egrant, anke jekk mingħajr provi ċari. Dan kien riskju li ħadem kontrih.

Biex inkunu ġusti u leali lejn dak kollu li qal, Delia fil-fatt saħaq illi kieku hu kien imur il-Qorti Kostituzzjonali, fejn hemmhekk kien jisfida lill-Gvern (jekk dan ma jkunx lest li jidħol f’diskussjonijiet miegħu) dwar ir-responsabilitajiet ta’ min kellu u għandu jinvestiga allegazzjonijiet bħal tal-‘Panama’. Huwa jaqbel ukoll mal-ġurnalist illi ‘mhux qed ngħixu f’pajjiż normali’ għalkemm ikun pront ifakkar li ‘fuq din il-kwistjoni, fuq ħafna affarijiet oħrajn aħna pajjiż normali’ u jtemm iħeġġeġ biex isiru mistoqsijiet fuq materja oħra lil hinn mill-‘Panama’ ‘biex ma ninħlewx fuq suġġett wieħed.’  

Dan jista’ jindika illi l-korruzzjoni mhux se tkun il-cavallo di battaglia ta’ Delia u allura fuq dan il-front jidher li se jkun differenti minn Busuttil. Jeħtieġ joqgħod attent  iżda. Għax l-iżball ta’ Busuttil kien iktar strateġiku milli fuq il-validità tal-istess argumenti miġjubin ’il quddiem.

Iżomm l-idjoma ċentru xellugija ta’ Busuttil

Delia iżda jidher, għallinqas mill-ewwel diskors tiegħu, li se jżomm l-idjoma favur il-‘vulnerabbli’ u kontra ‘l-faqar’ u jitkellem kontinwament dwar ‘in-nies fit-triq’. Bla dubju din hija riżultat ta’ żewġ affarijiet; l-isfond soċjali li ġej minnu Delia bħala President ta’ klabb tal-futbol u li jippożizzjonah ħafna eqreb lejn ‘in-nies fit-triq’ minn Busuttil u t-tieni, frott l-għajta fi ħdan l-istess PN illi l-partit inqata’ mir-realtajiet tan-nies.

 Hu fil-fatt jagħmel aċċenn ukoll għall-effett ekonomiku tat-trickle down u jinsisti dwar il-bżonn illi l-ġid maħluq jasal għand kulħadd. Dan juri illi fuq il-linja ekonomika Delia se jkompli fejn ħalla Busuttil u jibqa’ jippożizzjona lill-PN lejn iċ-ċentru/ċentru xellug fuq oqsma soċjali.

Forsi l-aktar punt illi fuqu Delia jidher li mhux se joffri kontinwità huwa fuq il-kwistjoni tal-koalizzjoni. Mistoqsi minn ġurnalist preżenti hu qal biss li; ‘M’hemm xejn x’nagħmel biex inbiddel dan,’ u li hu jħoss li koalizzjoni ssir wara, mhux qabel elezzjoni ġenerali. Ejja ngħidu li ma tantx qed juri ħeġġa għall-kontinwazzjoni tal-koalizzjoni mal-PD, pass politiku li ħadu Simon Busuttil, u li bosta fil-PN stess ma tantx laqgħuh b’entużjażmu.

B’Delia bħala Kap ikun interessanti allura li wieħed jara x’futur se jkollu l-PD, primarjament Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni.

Notevoli wkoll fl-ewwel konferenza tal-aħbarijiet kien il-fatt illi Delia kien qiegħed, bl-aktar mod ċar, jipprova jibni pontijiet b’saħħithom mal-midja preżenti, b’ċajt u mumenti aktar leġġeri kif ukoll bit-talba tiegħu biex il-ġurnalisti jsejħulu ‘Adrian’ (tiftakruha ‘għiduli Joseph’?). Relazzjoni ottima mal-ġurnalisti, u preferibbilment mal-ġurnalisti kollha hija importanti ħafna għal politiku. Jidher illi dan Delia għarfu.

Adrian Delia, għalhekk jidher li se jkun qed joffri taħlita ta’ kontinwità, imma wkoll ta’ strateġija differenti minn Bususttil. Minkejja li hemm 500 firmatarju  fil-PN li qed jappoġġja il-kandidatura tiegħu u allura kellu bidu tajjeb, it-triq għadha twila u Delia se jkun jeħtieġlu jaħdem ħafna aktar u jifforma viżjoni ħafna aktar attraenti biex in-Nazzjonalisti għalissa, u l-poplu wara, jagħtuh il-fiduċja.

Perici Calascione; Preparat...imma popolari biżżejjed?

Kandidat li tefa’ ismu wkoll għal din l-ogħla kariga tal-PN huwa Alex Perici Calascione. L-ewwel dehra tiegħu tat impressjoni li anke jekk ftit kienu qed jistennew li se jitfa’ ismu, sa qabel nhar il-Ħadd li għadda, hu kien pjuttost preparat.

Perici Calascione, kuntrarjament għal Delia huwa entużjast li juri kemm fil-fatt ilu jopera fl-istrutturi tal-partit. Isemmi lil Ċensu Tabone, Nerik Mizzi, Fortunato Mizzi u lil Eddie Fenech Adami u jsejħilhom ‘ġganti politiċi’. Isemmi wkoll lil Lawrence Gonzi u lil Simon Busuttil. Dan jindika illi kuntrarjament għal Delia, Perici Calascione huwa inqas entużjast li jżomm ’il bogħod mill-passat jew li joffri lilu innifsu bħala ‘bidla mill-qiegħ’ jew ‘bidla totali’. Anzi f’punt minnhom huwa jgħid illi l-partit ma kkomunikax biżżejjed il-proposti ‘eċċellenti’ tiegħu fil-programm elettorali. Dan huwa l-ewwel endorsement partikolari tat-tmexxija ta’ Busuttil.

It-tieni endoresement kien meta qal illi l-aqwa messaġġ li kellu l-PN kien fl-aħħar billboard li kien jgħid ‘inneħħu l-ħażin u nżommu t-tajjeb’. Għal darb’ oħra dan kien, f’sens partikolari, endorsement tat-tmexxija ta’ Simon Busuttil. Dan juri illi Perici Calascione anke jekk irid joffri xi forma bidla, mhux lest li ‘jarmi’ l-aħħar erba’ snin jew jipprova jnessihom.

Naturalment, dan se jkun ta’ benefiċċju għal Perici Calascione skont l-aptit fost il-Kunsillieri u t-tesserati ta’ bidla li hija meqjusa, u mhux waħda kompleta. Jekk it-tesserati se jkunu jridu jaqilgħu l-“qasrija” bl-għeruq b’kollox u jitfgħu “qasrija” ġdida, Perici Calacsione jaf ibati xi ftit. F’dan ix-xenarju Delia jaf ikun l-akbar rebbieħ.

‘Il-poplu mhux vera ma jimpurtahx mill-korruzzjoni’

Dan il-kandidat, ukoll b’differenza minn Delia, żamm difiża ħafna iktar qawwija u forsi ġustifikata wkoll dwar il-kritika u l-battalja tal-PN kontra allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Fil-fatt, Perici Calascione filwaqt li ammetta illi kien hemm wisq attenzjoni fuq din il-kwistjoni xorta sostna hekk: “Ara ma naħsbux li r-riżultat tal-elezzjoni tfisser li l-poplu Malti jaqa’ u jqum minn każi ta’ korruzzjoni...huwa obbligu li l-korruzzjoni kull politiku jiġġilidha...il-poplu mhux vera ta ċertifikat favur il-korruzzjoni.”

Fil-fatt din hija analiżi ħafna iktar preċiża u korretta tas-sentiment fost ħafna switchers u floaters (qabel u wara l-elezzjoni) minn dik illi pinġa Delia. Turi wkoll illi b’Perici Calascione fit-tmun il-kwistjoni tal-korruzzjoni tibqa’ waħda miż-żwiemel tal-PN.

Kuntrarjament ukoll għal Delia, Perici Calscione  qed ikun iktar kawt fuq sa  liema punt il-PN jeħtieġ il-bidla. “Qabel ma nivvintaw il-ġdid ejja naraw dak li għandna kif qed jaħdem,” sostna f’punt minnhom. Fil-fatt, fuq dan il-binarju, Perici Calscione għamel 10 proposti fosthom tisħiħ komplet u mill-għeruq tal-Kumitati sezzjonali, tkomplija tar-ristrutturar finanzjarju u l-ħolqien ta’ Kumitat konsultattuiv li jagħti pariri lill-Kap tal-PN dwar imġiba ta’ membri tal-partit u jagħti pariri fuq kwistjonijiet etiċi.

Anke dwar il-koalizzajoni, Perici Calascione kien inqas rassenjat minn Delia. Fis-sens illi sostna li hu se jieħu deċiżjoni jew jikkumenta dwar il-koalizzjoni, wara diskussjonijiet bejn il-PD u l-PN.

Perici Calascione deher ħafna iktar preparat minn Delia, iżda minkejja dan se jkollu jaqdef bil-bosta iktar hekk kif Delia telaq jiġri qabel kull wieħed mill-erba’ kandidati kif ukoll hekk kif qed jirriżulta li Delia huwa appoġġjat minn ħafna persuni li jafu sew kif taħdem l-istrateġija, kif taħdem il-midja u kif titmexxa kampanja elettorali li tħalli r-riżultati mixtieqa.

(Il-ġimgħa d-dieħla nħarsu lejn l-ewwel diskorsi ta’ Chris Said u Frank Portelli)

More in Politika