Anġlu Farrugia: It-tielet Speaker li ġie rikonfermat mill-Indipendenza

Sittax-il Speaker tal-Kamra mill-1964 sal-lum...mara waħda

L-ispeakers li kienu rikonfermati fil-kariga mill-1964
L-ispeakers li kienu rikonfermati fil-kariga mill-1964

Anġlu Farrugia kien ri-kkonfermat bħala s-16-il Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti lbieraħ fil-bidu tal-ewwel seduta Parlamentari tat-13-il Leġiżlatura. In-nomina ta’ Farrugia bħala Speaker, li bħal dejjem issir mill-Gvern, kienet milqugħa b’unanimità hekk kif is-67 Deputat Parlamentari vvutaw favuriha.

Din mhux l-ewwel darba li Speaker kien rikonfermat fil-kariga tiegħu għat-tieni darba kosekuttiva. Fil-fatt l-eks PM Lawrence Gonzi kien maħtur Speaker fl-1988 u wara fl-1992, biex baqa’ Speaker tal-Kamra sal-1996 meta kien elett Gvern Laburista. Dan ifisser li Gonzi kien għamel tmien snin jokkupa l-kariga ta’ Speaker. Apparti Gonzi, kien hemm ukoll l-eks Ministru ta’ Għawdex Anton Tabone li kien maħtur Speaker fl-1998 u reġa’ nħatar Speaker fl-2003 biex baqa’ jokkupa din il-kariga sal-2008, jew għal 10 snin.

S’issa s-siġġu ta’ Speaker kien dejjem okkupat minn raġel, għajr għal darba bejn l-1996 u l-1998 taħt Gvern Laburista mmexxi minn Alfred Sant. Matul dawk is-sentejn l-Ispeaker kienet Miriam Spiteri Debono. Minkejja dan, ilbieraħ kienet maħtura b’unanimità t-tieni mara li se tpoġġi fuq l-istess siġġu għalkemm bħala Deputat Speaker. Din hija d-Deputata Claudette Buttigieg, li se tkun qed tieħu post Ċensu Galea.

 

 

 

More in Politika