Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Simon Busuttil bla provi

"Għandna Kap tal-Oppożizzjoni li niżżel in-nies fit-toroq, li qed jgħajjar lil kulħadd b’korruzzjoni...mingħajr provi ta’ xejn" - Owen Bonnici

Ministru Owen Bonnici / 28 t'April 2017 17:03
Il-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Sinjura tiegħu bħalissa jinsabu fil-mira ta’ attakki u gideb bla preżedent minn Daphne Caruana Galizia u l-kompliċi tagħha Simon Busuttil.

Fl-eqqel ta’ dawn l-attakki, il-Prim Ministru ‘bit the bullet’ u sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni għal dibattitu fuq ix-Xandir Nazzjonali fil-programm Xarabank dwar dawn l-allegazzjonijiet u gideb li qed ifajru t-tandem Caruana Galizia u Busuttil. Il-Prim Ministru sfida lit-tandem Caruana Galizia u Busuttil biex jekk għandhom il-provi, jkunu jistgħu jġibuhom quddiem kulħadd fejn il-poplu kollu jkun jista’ jarahom.

Ġie l-programm u provi ma kienx hemm. 

L-unika ‘prova’ li wera Simon Busuttil kien ritratt ta’ raġel b’żewġ bagalji. Preżubbilment, dan ir-ritratt jirreferi għaċ-chairman ta’ Pilatus Bank li, skont kif intqal fi stqarrija ta’ dan il-bank, kien baqa’ sejjer fl-uffiċċju tal-Bank dritt mill-ajruport fejn kien għadu ġej minn titjira minn Washington DC u kien għalhekk li kellu l-bagalji miegħu.

"Min jifhem imqar il-bażiku ta’ kif jaħdem bank, jaf li t-tranżazzjonijiet bankarji jiġu rekordjati b’sistemi ta’ SWIFT jew IBAN skont regoli stretti mmens"
Ninsew però x’qal Pilatus Bank fl-istqarrija tiegħu, min jifhem imqar il-bażiku ta’ kif jaħdem bank, jaf li t-tranżazzjonijiet bankarji jiġu rekordjati b’sistemi ta’ SWIFT jew IBAN skont regoli stretti mmens. Iktar u iktar meta t-tranżazzjonijiet ikunu kbar u goffi. Kull min xi darba ħadem il-bank, jaf x’qed ngħid u anke min qatt ma ħadem jaf li meta għamel tranżazzjonijiet dejjem ikun hemm rekord bis-sistemi li semmejt.

Mela dan il-famuż ritratt tar-raġel biż-żewġ bagalji mhu prova ta’ xejn.

Allura xi provi oħra kellu l-Kap tal-Oppożizzjoni? Xejn ta’ xejn. Għandna Kap tal-Oppożizzjoni li niżżel in-nies fit-toroq, li qed jgħajjar lil kulħadd b’korruzzjoni sitta la sinistra mingħajr provi ta’ xejn. 

Irresponsabbiltà fl-aqwa tagħha.

Solidarjetà sħiħa mal-Prim Ministru u mal-familja tiegħu li jinsab għaddej minn dan l-attakk bla preċedent ibbażat fuq il-gideb.

 

Settur finanzjarju

Nixtieq ukoll nagħmel appell. Diġà hu ħażin li frott il-gideb tat-tandem Caruana Galizia/Busuttil, il-Prim Ministru u l-familja tiegħu għaddejjin minn dak li huma għaddejjin.  Hu daqstant ħażin meta nara lis-settur tas-servizzi finanzjarji jgħaddi minn dax-xokkijiet kollha minħabba gideb tat-tandem Caruana Galizia/Busuttil.

Anke ċertu kummenti li nara u naqra li ġejjin mill-kamp tal-Partit Nazzjonalista jaqbduli l-bard. 

Il-‘heavyhandedness’ li qed nisma’ minn nies li suppost jafu ferm aħjar fil-konfront ta’ banek kummerċjali ma tagħmel ġieħ lil ħadd. 

F’pajjiżna għandna regolatur tas-servizzi finanzjarji b’saħħtu u rispettat minn kulħadd u li jagħmel testijiet u checks li jassiguraw li l-affarijiet jimxu sewwa u skont standards Ewropej u internazzjonali. Dan il-Gvern, bħall-Gvern ta’ qablu wara kollox, investa fir-Regolatur biex ikompli jikber u jsir importanti dejjem iktar.

Il-kunsens li għandna fejn jidħlu s-servizzi finanzjarji m’għandux jiġi mogħti n-nar semplċimenti għaliex it-tandem Caruana Galizia/Busuttil fettlilhom ifajru l-gideb. Ilkoll nafu li r-Regolatur jagħmel xogħlu sewwa u bl-aħjar mod.  Kull allegazzjoni ta’ prattiċi improprji fis-servizzi finanzjarji għandhom jiġu investigati u mgħarbula. Iżda dawn għandhom jiġu investigati u mgħarbula skont sistemi u proċeduri li ilhom jintużaw skont l-aqwa prattiċi fis-settur.

Konvint li ċertu kummenti goffi li ġew min-naħa tal-Partit Nazzjonalista ma nqrawx minni biss, iżda nqraw minn investituri u practitioners fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

F’ġieħ kemm hemm, ejja nħarsu l-interess nazzjonali dejjem u qabel kollox.

 

Inkjesta Magisterjali

Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jissottometti ruħu għal Inkjesta Magisterjali hija waħda ta’ trasparenza bla preċedent.

L-inkjesti Magisterjali jsiru skont sistema b’saħħitha li żviluppat sforz sekli twal ta’ esperjenza tas-sistema ġudizzjarja. Sistema li tiggarantixxi ġustizzja u serjetà. Pereżempju, l-Maġistrat jiġi appuntat skont roster pre-stabbilit magħruf bħala r-roster ‘tal-Għassa’ minn ferm qabel li s-sistema ġudizzjarja stess toħloq u timplimenta b’mod awtonomu mill-Ministru tal-ġurnata. 

Konvint li l-Ġudikatura, bħal dejjem, se taqdi dmirha bi speditezza u b’effiċjenza li tkompli tkabbar ir-rispett tal-ġudikatura f’għajnejn il-pubbliku. 

 

Innaqqsu l-faqar

Kemm kienet sabiħa l-aħbar li l-ammont ta’ persuni foqra (materially deprived) naqas b’20,000 persuna f’temp ta’ tliet snin taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat.

Din hi aħbar li ttina l-enerġija li nkomplu naħdmu u nkomplu nwettqu d-differenza. 

Hi din ir-raġuni għaliex qegħdin fil-politika u għaliex nagħtu l-ħin u l-enerġija tagħna: biex naraw il-pajjiż jimxi ’l quddiem, biex naraw lill-poplu jimxi ’l quddiem, biex naraw iktar persuni jagħmlu suċċess mill-ħajja tagħhom.

Jien nemmen li l-istragrandi maġġoranza ma jippretendux li l-Gvern isolvi l-problemi tagħhom. Il-poplu Malti hu bieżel, il-poplu Malti jaf x’irid jagħmel.  i jippretendi minna l-poplu hu li aħna niffaċilitaw il-mobbiltà soċjali, li aħna nagħtu s-sellum biex dak li jkun jitla’ u javvanza fil-ħajja tiegħu.

Dan hu li qed nagħmlu. Meta naqilgħu 20,000 persuna mill-morsa tal-faqar, inkunu qed intuhom sellum biex iwettqu aħjar il-ħolma Maltija.

 

Finanzjament tal-partiti

Id-dnub oħxon ta’ Simon Busuttil fejn jidħol il-froġa li wettaq fil-każ tal-invoices foloz, mhuwiex se jibqa’ jiġri wara l-Kap tal-Oppożizzjoni.

"Wara erba’ snin jgħajjat bil-politika onesta, flok fetaħ il-bieb tal-Kummissjoni Elettorali biex din tinvestiga bl-akbar trasparenza, għamel kawża fil-Qorti kontra l-Kummissjoni Elettorali"
Wara erba’ snin jgħajjat bil-politika onesta, fl-ewwel test kbir tiegħu Simon Busuttil flok fetaħ il-bieb tal-Kummissjoni Elettorali biex din tinvestiga bl-akbar trasparenza, għamel kawża fil-Qorti kontra l-Kummissjoni Elettorali. Dan meta sa ftit jiem qabel kien għadu kemm qal li se jidher quddiem il-Kummissjoni biex jiddefendi l-każ tiegħu.

Dawn l-affarijiet, in-nies mhijiex se tinsihom meta tiġi biex tgħarbel min, fost il-mexxejja politiċi, ħaqqu l-fiduċja.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook