‘Lestu ruħkom għall-elezzjoni'

  • Deputati u Kandidati tal-PL fuq l-allert għal tħabbira ta’ elezzjoni
  • Sondaġġi interni juru distakk qawwi bejn il-partiti ta’ aktar minn 20,000 vot
  • Possibbiltà li ftit wara l-festi tal-1 ta’ Mejju titħabbar id-data tal-elezzjoni  

Din il-gazzetta tinsab infurmata minn sorsi viċin ħafna tal-Partit Laburista, li hija possibbiltà reali ħafna li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Prim Ministru u mexxej Laburista Joseph Muscat ixolji l-Parlament u jsejjaħ elezzjoni għal data f’Ġunju jew sa mhux aktar tard mid-9 ta’ Lulju. Internament, il-kandidati Laburisti qed jiġu inkoraġġuti biex ilestu ruħhom u jippreparaw għal kampanja elettorali imminenti.

L-ILLUM tista’ tiżvela li s-sondaġġi interni kienu qed juru distakk qawwi ħafna bejn il-partiti li jaqbeż l-20,000 vot. Fil-fatt, qabel ma Caruana Galizia ħarġet bl-allegazzjonijiet dwar mart il-PM, is-sondaġġi interni tal-PL kienu qed jindikaw distakk ta’ madwar 25,000 u 28,000 vot favur il-Partit Laburista. Jidher li sa Diċembru 2016, is-sondaġġi interni tal-PN ukoll kienu qed juru distakk qawwi bejn il-partiti, li kien ivarja bejn maġġoranza ta’ 20,000 u 21,000 vot favur il-PL.

Is-sorsi ta’ din il-gazzetta mill-Partit Laburista sostnew li jekk il-Partit se jara li l-allegazzjonijiet u l-iżviluppi relatati mal-allegazzjonijiet ta’ Caruana Galizia se jaffetwaw is-sondaġġi b’mod drammatiku u negattiv, hija probabbiltà kbira li tissejjaħ elezzjoni ġenerali fil-ġimgħat li ġejjin u jkollna kampanja elettorali matul ix-xahar ta’ Mejju u Ġunju.

L-inkjesta taf tkun determinanti għal meta ssir l-elezzjoni

Minkejja li ma kienx skjett, Joseph Muscat waqt il-programm Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa indika li l-PL għandu sondaġġi li juru li r-riħ għadu qed jonfoħ favurih, tant li staqsa lil Busuttil jekk fil-fatt hux qed jittama li jtawwal biex issir elezzjoni ġenerali.

Intant, jidher li l-possibilità li ssir elezzjoni fl-2018, għalkemm teżisti, issa tidher pjuttost remota.

Apparti l-kwisjoni tan-numri, il-PM probabbilment se jkun qed jistenna l-eżitu tal-inkjesta Maġisterjali li għaddejja bħalissa. Hija din il-kwistjoni li tista ttawwal jew tbiddel mill-pjanijiet ta’ Muscat għal elezzjoni qabel is-sajf.

Jekk l-inkjesta ssib li Michelle Muscat fil-fatt kellha dan il-kont, il-probabbiltà hija li Muscat jirreżenja. Jekk le, Muscat imur għall-elezzjoni u juża l-istess eżitu għall-vantaġġ politiku tiegħu.

Huwa fatt magħruf sew fil-Partit Laburista li Muscat irid iktar minn rebħa, irid rebħa konvinċenti. Jidher li fil-PL hemm il-biża’, li aktar kemm itul iż-żmien biex titħabbar elezzjoni, aktar se jikber iċ-ċans li l-PN jiekol mill-maġġoranza komda li l-PL qed jirreġistra fis-sondaġġi interni, billi jkompli jqajjem il-każ kontra Michelle Muscat, provi jew le u jkun xi jkun l-ezitu tal-inkjesta Maġisterjali li għaddejja bħalissa.

Rebħa minima għall-PL, anke jekk numerikament tkun tfisser li l-istess partit jerġa’ jiggverna, tkun ukoll rebħa għall-PN meta wieħed jikkunsidra l-maġġoranza qawwija li biha rebaħ l-aħħar elezzjoni l-PL.

Dawk li tkellmu mal-gazzetta ILLUM sostnew li l-effett immedjat ta’ din il-kwistjoni kollha tista’ tkun li filwaqt li l-partit jitlef minn dak is-settur li mhux marbut ma’ partit partikolari, jerġa’ jirbaħ lura mis-settur ta’ Laburisti li fl-aħħar snin kienu qed jirreġistraw it-tħassib jew diżillużjoni tagħhom billi jgħidu li mhux se jivvutaw. Skont numru ta’ stħarriġ li sar mill-gazzetta Maltatoday, jirriżulta li hemm xejra komuni ta’ madwar 10% ta’ votanti tradizzjonalment Laburisti li dejjem ivvutaw lill-Partit Laburista, imma li qed jgħidu li mhux beħsiebhom jivvutaw f’elezzjoni ġenerali.

Naturalment, dan kollu se jkun fuq moħħ Muscat matul din il-ġimgħa sa nhar it-Tnejn 1 ta’ Mejju, meta ż-żewġ partiti se jkunu qed jorganizzaw mass meetings. Il-Partit Laburista se jorganizza mass meeting fil-Belt Valletta filwaqt li l-PN se jorganizza mass meeting f’San Ġiljan. Dawn jistgħu faċilment ikunu l-ewwel mass meetings, mhux uffiċjali, tal-kampanja elettorali 2017.

Intant, illum ukoll huma mistennijin iż-żewġ diskorsi tal-mexxejja tal-Partiti. Muscat se jkun qed jagħlaq il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista li mistennija tinbidel f’show of force favur Muscat, filwaqt li Busuttil se jkun qed jerġa’ jitkellem dwar dan is-suġġett fi protesta ‘nazzjonali’ li fiha mistenni jerġa’ jitlob għar-riżenja ta’ Muscat.   

More in Politika