'Fiduċjuż li l-Air Malta tista' tagħmel turn around bħalma għamlet l-Enemalta'

Fl-aħħar sessjoni ta' 'Gvern li Jisma'', il-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid li kien hemm 'interess internazzjonali sostanzjali' għat-Tieqa tad-Dwejra

ritratt: DOI
ritratt: DOI

Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar prospetti tajbin għall-futur tal-Air Malta hekk kif sostna li huwa fiduċjuż li l-linja nazzjonali tal-ajru, Air Malta tkun tista' tagħmel turn around bħalma sar fl-Enemalta, "li kienet mazzra m’għonq il-Gvern u issa se tibda tagħmel il-qligħ."  

Dan qalu l-Prim Ministru waqt sessjoni ta' Gvern li Jisma', f'għeluq l-erba' snin minn dan il-Gvern, fiċ-Ċittadella f'Għawdex.

Waqt din is-sessjoni, li kienet ukoll indirizzata mid-Deputat Prim Ministru Louis Grech, intqal kif se jkun qed jitħejja pjan ta’ strateġija għal Għawdex, wara li saru diversi laqgħat mal-Ministeru u stakeholders Għawdxin. Grech sostna li din se tkun ibbażata fuq fondi Ewropej, u tagħti diversi inizjattivi biex Għawdex ikunu b’saħħtu ekonomikament, u dan ikun, "mhux pjan tas-sulluzzu li jiġi darba kultant, iżda pjan konkret u komprensiv."

Il-Prim Ministru insista li l-Gvern jinsab kommess li tinbena mina bejn Malta u Għawdex. Sostna li jekk tingħata l-konferma li teknikament tista’ ssir il-mina, ikunu jistgħu jinħarġu t-tenders sabiex din tinbena, bil-pjan li fi żmien ta' bejn 6 u 8 snin mill-bidu tagħha, titlesta. Muscat wissa li din se tkun qed toħloq diskussjoni minħabba li wieħed irid iqis minn fejn se tkun qed tibda din il-mina u fejn f'Għawdex se tkun qed tiżbokka, li tirrikjedi pjan serju ta' mmaniġġjar ta' toroq u traffiku fost l-oħrajn.

Dwar proġetti edukattivi fil-futur, il-Prim Ministru tkellem dwar is-sit fejn fil-preżent tinsab l-iskola tal-Ingliżi fl-Imtarfa, li bħalissa hi magħluqa, u qal kif se jkun qed isir skola internazzjonali li jkun jista' jakkomoda t-tant barranin li qed jiġu jaħdmu f'pajjiżna. Bħalissa, ħafna barranin qed isibu l-problema tal-edukazzjoni ta' uliedhom, u għalhekk, fiż-żmien li ġej se jkun qed jinħareġ tender sabiex tinbeda din l-iskola internazzjonali. Din l-iskola se tkun qed titħaddem bis-sistema magħrufa bħala IB - International Baccalaureate li tkun konsistenti mas-sistema f'għadd ta' pajjiżi li tippermetti ġenituri u studenti jbiddlu l-pajjiż, waqt li l-ulied ikomplu bl-edukazzjoni minn fejn ikunu ħallew. Il-Gvern qal li min se jkun qed jieħu f'idejh din l-iskola, se jkun qed jintrabat li jirrestawra s-sit fl-Imtarfa u anke li joffri scholarships lil ammont ta' studenti Maltin, li ma jifilħux iħallsu għal din l-edukazzjoni.         

Dwar it-Tieqa tad-Dwejra, il-Prim Ministru qal li wara li nħarġet sejħa ta' interess internazzjonali għal proġetti prospettivi fuq is-sit fejn kien hemm it-Tieqa, hemm "interess internazzjonali sostanzjali, u issa nkunu nistgħu nġibu n-nies biex jaraw fejn kienet it-Tieqa."

Il-Prim Ministru Muscat ħabbar ukoll li fiż-żmien li ġej se jkun qed jitħabbar il-bini tal-ewwel pixxina full-size magħluqa f'Malta, li se tkun qed issir f'Bormla, waqt li sostna wkoll li se jkun qed jitħabbar li l-Belt se jingħataw grawnd, kif kien ilu jiġi mwiegħed lilhom minn diversi amministrazzjonijiet.

More in Politika