Iż-żgħażagħ l-iktar inkwetati bit-traffiku fil-pajjiż

42% ta' dawk ta' bejn it-18 u l-34 sena jemmnu li t-traffiku hi l-ikbar problema fil-pajjiż 

Iż-żgħażagħ ta' bejn it-18 u l-34 sena huma l-aktar grupp li huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku fit-toroq f'Malta. Dan jidher mill-istħarriġ tal-gazzetta Malta Today hekk kif indikat li iżgħar ma l-persuni jkunu fl-età, iktar jikber it-tħassib dwar it-traffiku.

Fil-fatt, 42.2% tal-persuni li ħadu sehem fl-istħarriġ u kellhom bejn 18 u 34 sena, qalu li l-akbar tħassib tagħhom kien it-traffiku. Dan in-numru iżda jonqos iktar ma tkun kbira l-età ta' min irrisponda, b'34% tal-persuni ta' bejn il-35 u l-55 sena jinkwetahom dan, waqt li kienu 26.8% ta' dawk li għandhom iktar minn 55 sena li tkellmu dwar it-traffiku bħala problema.

Min-naħa l-oħra, it-tħassib dwar il-korruzzjoni jidher li jiżdied, hekk kif jogħla l-livell tal-edukazzjoni. Fil-fatt, 50% ta' dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ u kellhom edukazzjoni Universitarja qalu li l-korruzzjoni hi waħda mill-ikbar problemi li qed jaffaċja l-pajjiż. Dan meta mqabbel mal-34% ta' dawk b'edukazzjoni post-sekondarja, 29% ta' dawk b'edukazzjoni sekondarja, u 24% ta' dawk b'edukazzjoni primarja.

Id-dħul baxx u l-għoli tal-ħajja wkoll kien jirrifletti skont il-livell tal-edukazzjoni, hekk kif kienu biss 3% u 2% ta' dawk b'edukazzjoni universitarja li raw dawn bħala problema. Dan meta mqabbel ma' 13% u 11% rispettivament ta' dawk b'edukazzjoni primarja.

More in Politika