Clyde Puli jitlob azzjoni mingħand il-Prim Ministru dwar iċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir

Wara petizzjoni mill-ħaddiema, Puli jitlob azzjoni minn Joseph Muscat dwar intimidazzjoni lejn il-ħaddiema minn naħa taċ-Chairperson u spjegazzjoni dwar it-trasferiment tal-uffiċini...

"Il-petizzjoni bla preċedent li ffirmaw il-ħaddiema kollha tal-Awtorità tax-Xandir kontra ċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir titlob azzjoni diretta mill-Prim Ministru Joseph Muscat,"  

Dan qalu l-Kelliem għax-Xandir, il-Komunikazzjoni u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-uffiċini tal-Awtorità tax-Xandir il-Ħamrun, fejn spjega li "l-Partit Nazzjonalista tilef kull fiduċja fiċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir, mhux biss għall-mod kif qed timxi mal-ħaddiema tal-Awtorità, iżda anke għall-fatt li d-deċiżjoni li tmexxi l-uffiċini tal-Awtorità tax-Xandir ittieħdet mhux fl-interess tal-istess Awtorità, iżda fl-interess ta’ terzi."

Clyde Puli spjega kif il-ħaddiema kollha tal-Awtorità ffirmaw petizzjoni kontra l-mod ta’ bullying u ta’ intimidazzjoni li timxi bih iċ-Chairperson tal-Awtorità. Puli qal li l-petizzjoni ntbagħtet lill-Prim Ministru, u issa wieħed jistenna li l-Prim Ministru jieħu deċiżjoni fl-interess tal-istess ħaddiema.

Puli qal li meta l-Prim Ministru kien innomina liċ-Chairperson il-ġdida, l-Partit Nazzjonalista kien qal li għandu riżervi dwar din in-nomina, iżda, fi spirtu ta’ kunsens, kien qed jaċċetta din in-nomina, filwaqt li stenna imparzjalità. "Issa, sena wara, il-PN tilef kull fiduċja f’din iċ-Chairperson," kompla jgħid Puli.

Dwar id-deċiżjoni li ħadet iċ-Chairperson biex tagħti l-uffiċini tal-Awtorità tax-Xandir lill-Ministeru ta’ Chris Cardona, Clyde Puli staqsa jekk dan it-trasferiment ġiex finalizzat, u jekk il-Prim Ministru tax l-approvazzjoni tiegħu għal dan id-deal. Hu staqsa wkoll jekk mill-binja li sejra fiha l-Awtorità tax-Xandir - skont deċiżjoni taċ-Chairperson - hemmx xi individwi li se jgawdu. Hu staqsa wkoll jekk il-binja l-ġdida hix armata biżżejjed biex isservi bħala uffiċini tal-Awtorità tax-Xandir, li tirrikjedi studios u apparat apposta.

More in Politika