‘Il-kriminalità organizzata m’għandix fruntieri... allura lanqas għandu jkollhom l-isforzi tagħna...’

Il-Ministru Carmelo Abela jindirizza laqgħa tal-EUROMED għall-Pulizija, fejn enfasizza l-bżonn li l-pajjiżi tal-Mediterran jaqsmu l-informazzjoni bejniethom

“Sabiex il-pajjiżi jkunu jistgħu jiġġieldu aħjar kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, hemm bżonn jitgħallmu jikkordinaw l-isforzi tagħhom, speċjalment fil-qsim tal-informazzjoni.”

Dan qalu l-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmel Abela, f’indirizz li għamel waqt l-ewwel laqgħa tal-EUROMED għall-Pulizja li qegħda ssir fl-Università l-antika fil-Belt Valletta.

Abela żied jgħid li “Kull pajjiż għandu jkollu l-pjanijiet tiegħu biex jitratta s-sigurtà nazzjonali, iżda lill hinn minn dawk il-pjanijiet, hemm bżonn li niżguraw li jkun hemm koperazzjoni bejn il-pajjiżi.”

Huwa enfasizza li “t-theddid għas-sigurtà” m’għadhomx limitati mill-fruntieri, speċjalment meta numru ta’ kriminali illum qed “jabbużaw mis-sistemi informatiċi” u jikkommettu krimini informatiċi (cybercrime). “Dan,” saħaq Abela, “jagħmel il-koperazzjoni transkonfinali aktar bżonnjuża.”

Il-proġett EUROMED għall-Pulizija qiegħed ilaqqa’ flimkien il-pajjiżi tal-mediterran, inkluż numru ta’ pajjiżi minn Stati tal-Afrika ta’ fuq, sabiex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ sigurtà, u huwa implementat minn konsorzju mmexxi minn Civipol b’koperazzjoni stretta mal-Interpol, Cepol u Europol

Abela ddeskriva laqgħat bħal ta’ dalgħodu bħala “essenzjali biex tinbena bażi għal xogħol fil-futur.”

“Peress li Malta gżira fil-Mediterran, kull ma jiġri fir-reġjun huwa sinjifikanti ħafna għalina,” qala l-Ministru Abela, li spjega li Malta se tpoġġi s-sigurtà fuq quddiem tal-agenda tagħha tul il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa u se tagħfas sabiex ikun hemm aktar qsim ta’ informazzjoni bejn l-istati membri, speċjalment bejn il-korpi tal-Puliizja ta kull pajjiż.

Abela enfasizza wkoll li t-tfixkil tan-networks tat-traffiku uman u maniġjar tal-krimini informatiċi se jkunu wkoll żewġ prioritajiet tal-Presidenza ta’ Malta.

Il-Ministru Abela temm jgħid li diġà hawn ħafna koperazzjoni bħalissa, iżda hemm bżonn ta’ kopeazzjoni aktar effettiva fuq “kull livell” u bżonn ta’ “aktar sforzi”.

“Il-EUROMED tipprovdi l-opportunità meħtieġa biex tissaħħaħ il-koperazzjoni, bl-iskop li jintlaħaq objeyyiv komuni : is-sigurtà taċ-ċittadini billi niġġieldu kontra l-kriminalità flimkien,” qal Abela.

More in Politika