Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

San Sekwestru, Verġni u Martri...

L-Editorjal tal-ILLUM

Albert Gauci Cunningham / 12 ta' Frar 2017 12:00
Din il-ġimgħa smajtu u qrajtu ħafna dwar il-ġurnaliżmu u dwar dik li suppost hija l-akbar theddida li qatt iffaċċja minn kemm ilha teżisti u tkun prattikata din il-karriera. Ejjew niftgħu l-affarijiet fi ftit iktar kuntest.

Il-ġurnaliżmu f’pajjiżna ilu sejjer lura u ilu jitlef ir-rilevanza tiegħu minn mindu inħolqu, bir-rispett kollu lejn il-kollegi tagħna li jaħdmu jew kienu jaħdmu hemm, l-istazzjonijiet tal-partiti politiċi. Dawn saru skejjel ġurnalistiċi illi fihom id-‘domma tal-fidi’ hija li kollox huwa tajjeb u permessibbli sakemm ikisser, jumilja u jġib fix-xejn lill-avversarju politiku u fl-istess ħin jinċensa, jilgħaq u jigglorifika lill-partit. Issa nifhmu li aġenda għandu kulħadd u kull kamra tal-aħbarijiet jew ġurnalist għandu l-fehmiet, l-isfond soċjali u l-ideoloġija li tiggwidah. Imma li f’dan il-pajjiż sar, u ilu hekk snin twal, komuni li ġurnalisti bejniethom minn djar tal-midja tal-partiti jgħidu li jixtiequ jippubblikaw xi ħaġa imma jafu li ‘ma jistgħux’ mhux biss hija redikola, imma toffendi l-istint ġurnalistiku fl-estrem. F’pajjiżna lill-ġurnalist li jaħdem fi stazzjonijiet jew gazzetti intrinsikament marbutin ma’ partit ġibniehom qishom robots. Iridu jkunu pitbulls ma’ ‘tal-partit l-ieħor’ imma mbagħad iridu jġibu ruħhom ta’ proprja pastizzi tal-ħaxu (la kienet tema din il-ġimgħa wkoll) quddiem il-Mexxej jew Kap.

"Lill-ġurnalist li jaħdem fi stazzjonijiet jew gazzetti intrinsikament marbutin ma’ partit ġibniehom qishom robots. Pitbulls ma’ ‘tal-partit l-ieħor’ imma mbagħad iridu jġibu ruħhom ta’ pastizzi tal-ħaxu quddiem il-Mexxej jew Kap"
Issa bdiet il-kriżi fil-ġurnaliżmu? U dażgur li le. Ħarsu lejn ix-xandir Nazzjonali għal dawn l-aħħar 20 sena. Min huwa dak il-ġurnalist, li jrid jikber, jiftaħ il-ġwienaħ u jagħmel differenza permezz ta’ opinjoni analitika u jmur fix-xandir nazzjonali? Kuljum preċett. L-istess diska. Taħt il-labour, imbagħad taħt il-PN u issa għal darb’oħra taħt il-Labour. L-ideat, il-ġmiel tad-diskussjoni sana u matura tiġi mgħattna taħt muntanja ta’ informazzjoni pwerili u frankament patetika ta’ liema Ministru fetaħ liema bankina u liema Kappillan bierek liema qasrija. Kollox bl-eżatt. Kollox robotiku. Il-bilanċ politiku mibni fuq is-sekondi u l-minuti li jingħata partit jew politiku, mhux fuq il-kontenut. Programmi tal-Awtorità tax-xandir, nexfin u tad-dwejjaq fejn il-ġurnalist huwa ridott għal persuna li żżomm il-ħin u bejn paniġierku u ieħor tobżoq kelma. X’disprezz lejn il-ġurnaliżmu! X’għarukaża!

Iva l-ġurnaliżmu jinsab fi kriżi ukoll għax dak li dejjem kien ħażin ma jistax isir tajjeb, u jekk se naċċettaw li ġurnalist għandu dritt jinżel fil-ħama u jgħajjar u jinsulenta u jikkalunja mingħajr ma jġib prova, mela allura rridu naċċettaw li kulħadd se jkollu dritt iħammeġ. Jekk se nneħħu d-diċenza mill-ġurnaliżmu se nneħuh għal kulħadd. Jekk se naċċettaw bħala ġurnaliżmu t-tkissir tan-nies sempliċiment għax Laburisti, mela rridu naċċettaw bħala ġurnaliżmu t-tkissir tan-nies sempliċiment għax Nazzjonalisti. Jekk se ninżlu ġo fossa, se ninżlu kollha.

"Programmi tal-Awtorità tax-xandir, nexfin u tad-dwejjaq fejn il-ġurnalist huwa ridott għal persuna li żżomm il-ħin u bejn paniġierku u ieħor tobżoq kelma. X’disprezz lejn il-ġurnaliżmu! X’għarukaża!"
U minflok noqogħdu nħabblu moħħna u nibagħtu l-emails u niġru wara l-Ministri, naqbdu u nivvintaw hux. Dak raqad ma’ dik, dak il-ħin kollu jaqlibha lil martu, l-oħra xebgħet tieħu droga, l-ieħor għandu kankru, it-tifla ta’ dik lesbjana u dik kerha għax Laburista/Nazzjonalista. U jekk xi ħadd jikkuntrarjana jew jipprova jsallabna talli ħammiġnieh u kkalunjajna fuqu jew talli kissirnielu familja għax akkużajnieh li qed jaqlibha lil martu, imbagħad immorru niġru għand il-partit jew għand l-Istitut tal-ġurnalisti u jitħassruna u jiġbrulna l-flus u jagħmluna martri. Dak ġid għall-ġurnaliżmu! Dak unur għall-karriera! Ninħbew wara l-pinna biex inweġġgħu u nsallbu lin-nies u malli xi ħadd jipprova jsallabna għax ma nkunux għidna l-verità u ma nkunux ivverifikajna l-fatti, immorru nilagħbuha tal-martri.

"Jekk se naċċettaw bħala ġurnaliżmu t-tkissir tan-nies sempliċiment għax Laburisti, mela rridu naċċettaw bħala ġurnaliżmu t-tkissir tan-nies sempliċiment għax Nazzjonalisti. Jekk se ninżlu ġo fossa, se ninżlu kollha"
Dażgur li l-ġurnaliżmu jinsab fi kriżi. Il-Ministru Cardona, impona sekwestru fuq Caruana Galizia, imma qal li għażel li ma jiħux l-istess azzjoni fil-konfront tal-ġurnalisti tan-Net. Hawnhekk se jkollna naqblu mal-kollega tagħna Fabian Demicoli. L-argument ta’ Cardona huwa perikoluż. Dan minn mindu jkun Ministru li jiddeċiedi min hu ġurnalist jew le? Għax illum Cardona ssekwetra lil Caruana Galizia u għada Ministru differenti ta’ partit differenti, jissekwestra lil ġurnalist tal-ILLUM, għax hu jkun dehrlu li dak mhux ġurnalist. Is-sekwestru fuq Caruana Galizia huwa ħażin, inkwantu minn kemm nistgħu ma naqblux magħha u inkwantu minn kemm la kilna u lanqas irridu nieklu kirxa magħha. Dak mhux il-punt. Il-punt hu li qed jinħoloq preċedent.

U la darba qed niddibattu min huwa ġurnalist. Meta f’dan il-pajjiż se jkollna reġim ċar ta’ ċertifikazzjoni ta’ ġurnalist. Karriera ġiet ridotta għal ‘hobby’. Tellajt ritratt fuq Facebook? Sirt ġurnalist. Mort tkellem persuna marida u bikkejt pajjiż? Sirt ġurnalist. Mort coverage, smajt dak li kellu jgħid il-Ministru u bħal pappagall ktibtha, mingħajr mistoqsijiet mingħajr għarbiel? Sirt ġurnalist. Kulħadd ġurnalist u naturalment xi kultant jiddeċiedi xi Ministru, għax ma tafx hux hawn Malta? Il-politiku sagrosant!

"Is-sekwestru fuq Caruana Galizia huwa ħażin, inkwantu minn kemm nistgħu ma naqblux magħha... qed jinħoloq preċedent"
Is-sekwestri huma koroh. Imma f’dan il-każ qed iwasslu biex nitkellmu dwar il-ġurnaliżmu. Karriera nobbli fi kriżi kbira, għad-detriment tad-demokrazija u għat-tgawdija tal-politiċi korrotti u maħmuġin u ħnieżer.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook