L-Irlanda u Malta se jfittxu kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-qasam tad-difiża

Diskuss il-qsim effiċjenti ta’ informazzjoni bejn l-istati membri tal-UE fil-ġlieda tagħhom kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata...

Il-Ministru Irlandiż responsabbli mid-difiża Paul Kehoe, u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela qablu li uffiċjali miż-żewġ pajjiżi għandhom jistudjaw kif tista’ tissaħħaħ il-kooperazzjoni li diġà teżisti bejniethom, partikolarment fil-qasam tat-taħriġ militari, filwaqt li jesploraw opportunitajiet ġodda biex jaħdmu flimkien fuq materji ta’ interess komuni. Dan il-qbil intlaħaq waqt taħditiet bilaterali fil-kwartieri militari McKee f’Dublin.

Fil-qasam tad-difiża, bejn Malta u l-Irlanda hemm kooperazzjoni tajba li tmur lura s-snin, kif ukoll hemm kuntatti regolari fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Persunal mill-Forzi Armati ta’ Malta jirċievi taħriġ regolari f’istituzzjonijiet militari Irlandiżi, filwaqt li Malta tikkoopera wkoll mal-Irlanda f’operazzjonijiet umanitarji ta’ tiftix u ta’ salvataġġ ikkoordinati mill-Italja fiċ-ċentru tal-Mediterran. Barra minn hekk, ftit xhur ilu l-Irlanda tat lill-FAM il-bastiment għar-rondi ’l barra mill-kosta LÉ Aoife, li issa jismu P62.

“L-Irlanda u Malta jaqblu fuq il-kunsiderazzjonijiet ġeopolitiċi fil-pożizzjonijiet militari u tas-sigurtà tagħhom,” qal il-Ministru Abela. “B’mod partikulari, huwa importanti għaż-żewġ pajjiżi li jiggarantixxu r-rispett għall-istat tan-newtralità tagħhom kif ukoll li jkun hemm l-istabbiltà fil-Mediterran. Ċertament li Malta u l-Irlanda jistgħu jgawdu minn rabtiet aktar mill-qrib fuq materji ta’ difiża. Nirringrazzjaw lill-Irlanda għall-appoġġ konsistenti tagħha, u nantiċipaw kollaborazzjoni akbar fix-xhur u fis-snin li ġejjin”.

Kwistjoni ewlenija oħra li ġiet diskussa waqt il-laqgħa bilaterali kienet dwar l-isfidi b’rabta mas-sigurtà li l-UE qed taffronta waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill. Iż-żewġ ministri qablu dwar il-ħtieġa li, malajr kemm jista’ jkun, jiġu indirizzati l-fatturi li qed ixekklu milli jkun hemm qsim effiċjenti ta’ data bejn l-istati membri tal-UE fil-ġlieda tagħhom kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata transkonfinali.

“L-istati membri tal-UE jrid ikollhom il-forza tal-volontà li jittrasformaw l-intoppi riċenti f’riżultati pożittivi, filwaqt li jżommu sħaħ il-valuri fundamentali tagħhom. Tul il-Presidenza intensa u iebsa tagħha, Malta qiegħda ċertament timxi b’din il-filosofija”, qal il-Ministru Abela.

Waqt ċena ta’ ħidma li saret wara l-laqgħa bilaterali mal-Ministri Abela u Kehoe, ingħaqdet id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u tal-Ugwaljanza tal-Irlanda Frances Fitzgerald.

More in Politika