Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Aġġornata | Il-Kummissjoni Ewropea tapprova l-ħlas lill-Electrogas għat-tħaddim tal-Power Station

...il-Gvern kien iffirma kuntratt ta' 18-il xahar biex Electrogas tissuplixxi l-elettriku lill-Enemalta - Busuttil juri l-għadab tiegħu għal din id-deċiżjoni fil-Parlament u jgħid li 'l-poplu rrabjat għall-Kummissjoni Ewropea' 

Albert Gauci Cunningham / 11 ta' Jannar 2017 12:38
Il-Kummissjoni Ewropea (KE) għadha kif approvat, skont ir-regoli ta' sussidji tal-istat, il-ħlas tal-Gvern Malti lill-Electrogas Malta, l-operatur tal-impjant ta' Delimara biex din tkun tistà tipprovdi enerġija għall-kumpanija Enemalta. Il-miżura hija mmirata li tikkumpensa lill-Electrogas għall-ispiża addizzjonali talli se tkun qed taqdi ċerti obligazzjonijiet tas-servizz pubbliku. 

F'Ġunju 2016 Malta nnotifikatbi l-pjani għall-appoġġ għall-Power Station li se tkun qed taħdem bil-gass, lill-Kummissjoni Ewropea. Il-proġett se jkun magħmul minn floating liquid natural gas storage unit u impjant tal-enerġija li jaħdem bil-gass. 

Il-proġett tal-Gvern, imwiegħed mill-Partit Laburista qabel l-aħħar elezzjoni, għandu l-għan li jnaqqas il-ħsara ambjentali li toħloq il-produzzjoni tal-enerġija u żżid is-sorsi minn fejn tiġi l-enerġija biex pajjiżna jkollu taħlota nadifa tal-enerġija. 

Il-kuntratt mal-Electrogas huwa għall-perjodu ta' 18-il sena, xi ħaġa li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed ikkritika lill-Gvern dwaru. Fil-fatt, għal aktar minn darba il-kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sostna illi Gvern prospettiv Nazzjonalista ma jżommx ma' dan il-kuntratt partikolari. 

Iktar kmieni illum il-Ministru Konrad Mizzi ħabbar kif illum se tasal l-ewwel kunsinja ta' gass f'pajjiżna. 

Il-PN jesprimi diżappunt għad-deċiżjoni tal-KE

Il-Partit Nazzjonalista esprima d-diżappunt tiegħu bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea illi  'minkejja l-fatti ċari quddiemha, għażlet li tapprova l-Power Station korrotta ta’ Joseph Muscat u Konrad Mizzi.  Deċiżjonijiet bħal dawn,' kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista,  'jagħtu daqqa ta’ ħarta għall-fiduċja fl-istituzzjonijiet Ewropej għax imorru kontra dak li jistennew in-nies mill-Ewropa.'

Il-Pn fakkar illi skontu din il-Power Station il-pajjiż m'għandux bżonnha u fakkar ukoll illi 'l-prezz li qed jintrabtu bih Muscat, Schembri u Mizzi għal 18-il sena sħaħ hu d-doppju tal-prezz li qed jinxtara l-elettriku mill-interconnector.' Ma setax jonqps li l-PN ifakkar ukoll illi l-Ministru konċernat fetaħ kontijiet fil-Panama. 

'Il-poplu Malti kien jistenna li l-Kummissjoni Ewropea ma taqbadx u tagħlaq għajnejha u tapprova dan il-proġett li jista’ jispiċċa jimla l-bwiet ta’ xi wħud bil-commissions għal 18-il sena sħaħ,' temm jgħid il-PN.  

Intant dan kien ukoll is-sentiment li wassal il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fil-Parlament meta kien qed jindirizza sessjoni speċjali illi fiha kien hemm preżenti il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker. Busuttil qal li l-poplu huwa rrabjat u diżapuntat illi l-Kummissjoni ma qalet xejn dwar il-każ tal-kont fil-Panama li kellu l-Ministru Konrad Mizzi. 

Il-Kummissarju Maroš Šefčovič wieġeb lil Busuttil u fakkru illi arja iktar nadifa u l-fatt li l-proġett tal-Power Station li taħdem bil-gass, biex jitnaqqsu l-emmissjonijiet huwa importanti wkoll għan-nies. 

Busuttil, saħansitra sostna illi l-poplu jħossu irrabjat illi Kummissarju tal-UE kien preżenti mal-Ministru Konrad Mizzi mal-wasla tal-ewwel kunsenja tal-gass, aktar kmieni illum f'Delimara. 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Segwina fuq Facebook