‘Il-Presidenza Maltija se taffaċċja sfidi fl-UE u dinjin’

 

L-aspettazzjoni hi għolja, imma daqstant ieħor il-preparamenti

“Malta se tkun qed tieħu t-tmun tal-Kummissjoni fi żmien ta’ sfida għall-UE, iżda hi wkoll sinjal ta’ rispett reċiproku bejn il-pajjiżi. Gaħldaqstant, ninsab verament ottimist għall-Presidenza ta’ Malta.”

Dan qalu l-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz, waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Shulz kompla jgħid kif il-Presidenza ta’ Malta se tkun qed taħbat ma’ perjodu ta’ sfidi, mhux biss b’mod intern fi ħdan l-Unjoni iżda wkoll fuq bażi internazzjonali. Minkejja dan, kompla jgħid Schulz, il-miri u l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija jolqtu eżattament dan.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru qal kif id-diskussjoni mal-kapijiet tal-Partit tal-Parlament Ewropew, li seħħet iktar kmieni llum kienet waħda tajba. Semma kif bħala pajjiż, Malta se tkun pajjiż li se tkun qed taħdem bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u anke fi ħdan l-istess kunsill tal-UE. “Kulħadd jaf x’inhi l-pożizzjoni tagħna fuq suġġetti prinċipali fosthom l-immigrazzjoni u s-sigurtà. Minkejja dan, irridu nkunu hemm mhux biss biex nittappreżentaw il-pożizzjoni tagħna, imma biex nagħmlu kemm jista’ jkun progress permezz ta’ ftehimiet.”

Il-Prim Ministru Muscat żied jgħid li dan huwa żmien importanti fejn jeħtieġ li l-Ewropa ssemma leħinha, “mhux billi ssabbat saqajha, iżda billi żżomm mal-prinċipji tagħha. Aħna konvinti li minkejja ċ-ċokon tagħna, nistgħu noffru l-għajnuna tagħna fix-xhur li ġejjin.”

Dan filwaqt li qal li, “mhux se nkunu qed inwiegħdu iktar milli nistgħu nagħtu, u se nkunu realistiċi u pragmatiċi fl-approċċ tagħna.”

More in Politika