'Dwar governanza Simon jitkellem kif jaqbillu...' - Cardona

Chris Cardona jgħid kif Simon Busuttil qed jiddefendi lil Michael Fenech Adami li wettaq irregolaritajiet finanzjarji bħala Sindku ta’ B’Kara

Michael Fenech Adami li wettaq irregolaritajiet finanzjarji bħala Sindku ta’ B’Kara
Michael Fenech Adami li wettaq irregolaritajiet finanzjarji bħala Sindku ta’ B’Kara

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona u mill-President tas-Sezzjoni Kunsilliera tal-Partit Laburista Mario Fava, intqal kif Simon Busuttil qed jiddefendi lil Michael Fenech Adami, ħu l-Viċi Kap tiegħu, Beppe Fenech Adami, anke jekk ħareġ kif bħala Sindku ta’ B’Kara wettaq irregolaritajiet finanzjarji fosthom billi ddeċieda kuntratti li jammontaw għall-eluf ta’ ewro waħdu mingħajr ma nforma lill-Kunsill.

Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiiet tal-Partit saħaq li minkejja li l-Kap tal-Oppożizzjoni jitkellem ħafna fuq governanza, meta jkun affaċċjat b’każijiet bħal dawn huwa ma jagħmel xejn, anzi agħar minn hekk, joħroġ jiddefendi. Simon Busuttil huwa lest li jiddefendi lil ħu l-Viċi Kap tiegħu, Beppe Fenech Adami, l-istess familja Fenech Adami li hija b’saħħitha aktar mill-istess Simon Busuttil, tenna Dr Chris Cardona.

Il-Ministru Cardona stqarr li under his watch għall-Kap tal-Oppożizzjoni tfisser li ma jieħux azzjoni u qed jibqa’ jagħżel li jiddefendi lil Beppe Fenech Adami u l-arroganza. Id-Deputat Mexxej Laburista fakkar fil-każ ta’ ħut Chris Said fin-Nadur fejn hemmhekk ukoll Simon Busuttil ma ħax azzjoni.

Dr Cardona tkellem fuq kif il-Kap tal-Oppożizzjoni joħroġ jattakka lil kull istituzzjoni li ma tgħidx dak li jkun irid jisma’ hu fejn saħansitra sa dalgħodu stess, Beppe Fenech Adami ħareġ jattakka lill-Kummissarju tal-Pulizija, lill-Avukat Ġenerali u lil Bord tal-Governanza li sab li ħuħ wettaq għadd ta’ irregoralitajiet finanzjarji. Fuq l-istess Bord ta’ Governanza, Chris Cardona staqsa jekk il-Partit Nazzjonalista għandux fiduċja f’Dr Noel Bartolo li jmexxi l-imsemmi Bord, Bord li tant intuża mill-media tal-PN meta kien hemm rapporti fuq Sindki Laburisti.

Min-naħa tiegħu Mario Fava saħaq li huma double standards tal-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit tiegħu li jattakkaw lill-Bord tal-Governanza issa meta propju użaw tant l-istess Bord meta kien hemm rapporti fuq Sindki Laburisti. Il-President tas-Sezzjoni Kunsilliera spjega kif Michael Fenech Adami huwa l-preferut tal-Partit Nazzjonalista mhux biss għax qed jiddefenduh, iżda għax filwaqt li kienu qed jitkeċċew il-ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista, huwa daħal jaħdem id-Dar Ċentrali.

Mario Fava saħaq li huwa ċar daqs il-kristall li Michael Fenech Adami ma segwiex regolamenti finanzjarji li jirregolaw lill-Kunsilli  Lokali fejn ġieli ddeċieda fuq kuntratti anke b’mod verbali mingħajr kitba ta’ xejn. Iżda filwaqt li sar dan kollu, il-Partit Nazzjonalista ħareġ jiddefendi lil Michael Fenech Adami u skredita l-Bord ta’ Governanza. Dan huwa test ieħor li Simon Busuttil falla għax naqqas milli jieħu azzjoni, temm jgħid il-President tas-Sezzjoni Kunsilliera tal-Partit Laburista.

More in Politika