Laqgħa fil-PBS nhar il-Ġimgħa bejn Salvu Mallia u t-tmexxija tal-istazzjon

...Il-Programmes Manager tal-PBS Ruben Zammit ifakkar illi kulħadd għandu dritt li jkollu l-ideat tiegħu fl-iskeda tax-xandir nazzjonali...Mallia jisfida lil Muscat għal dibattitu "fejn irid u xħin irid"

Salvu  u Bundy....għal nhar il-Ġimgħa
Salvu u Bundy....għal nhar il-Ġimgħa

Nhar il-Ġimgħa li ġej se ssir laqgħa bejn it-tmexxija tal-PBS u Salvu Mallia, wara li dan tal-aħħar ipprotesta bil-qawwi kontra t-tneħħija tal-programm tiegħu 'Madwarna' minn fuq l-istess stazzjon. Żvela dan Mallia stess mas-sit illum.com.mt li għall-mistoqsijiet baqa' jinsisti li t-tneħħija mill-iskeda kienet waħda motivata politikament. "X'raġuni oħra jista' jkun hemm jekk il-programm li kont qed nippreżenta kien tajjeb u kienu ħafna li rrikonoxxew dan?"

L-illum.com.mt staqsiet lil Mallia jekk hux qed jaħseb jew jippretendi li għandu ċens perpetwu fuq l-istazzjon nazzjonali, akkuża li għamlulu bosta bħal Pablo Micallef, preżentatur tal-programm Deal or No Deal u l-eks Editur tal-ILLUM Julia Farrugia . "Dażgur li le. Jien qatt ma ppretendejt li nibqa' hemm għal dejjem, qed ngħid biss li twaqqaf għax jien kritikajt lil dan il-Gvern u akkużajtu li hu faxxist." 

Mistoqsi jekk ibiddilx id-diska jekk jerġa jingħata l-programm wara l-laqgħa ta' nhar il-Ġimgħa, Mallia wieġeb hekk: 'No way. M'hemmx ċans. Anzi jien qed nisfida lill-Prim Ministru Muscat biex meta, xħin u fejn irid nagħmlu dibattitu fil-pubbliku biex nurih kif ipperverta lill-partit għalih u erba' minn nies madwaru. Billi waqqfuli l-programm f'saqajhom sparaw", temm jgħid Mallia. 

Dan is-sit għamel kuntatt mal-Programmes Manager tal-PBS Ruben Zammit illi spiċċa fuq il-paġna ta' Facebook ta' Mallia, f'kumment li Mallia ħalla u fejn ippiblika l-messaġġ li għarfu bit-twaqqif tal-programm. Ma' dn is-sit Zammit jgħid illi hu ma kienx parteċipi fl-għażla ta' liema programmi se jidhru fl-iskeda li jmiss. Fakkar iżda, illi kulħadd għandu dritt li jkollu l-ideat tiegħu fuq l-istazzjon nazzjonali.  

 

More in Politika