‘Kont minn ta’ quddiem li ħassejt il-bżonn li l-MEPA tinqasam’ – Victor Axiak

Iċ-ċermen il-ġdid tal-Awtorita' għall-Ambjent u Riżorsi jispjega għalfejn il-qasma fil-MEPA hija xi ħaġa pożittiva 

Il-Professur Victor Axiak ġie maħtur chairperson għall-Awtorità ġdida dwar l-Ambjent u Riżorsi li qed tiġi ffurmata mill-qasma tal-MEPA biex jinfired is-settur ambjentali tagħha mill-ippjanar. Axiak kien chairperson tal-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja u kien kritiku ta’ diversi deċiżjonijiet li kien ħa l-Gvern rigward l-ambjent. Sentejn ilu, hu kien maħtur mill-Gvern bħala kap tal-kumitat konsultattiv xjentifiku dwar l-ambjent.

L-ILLUM tkellmet ma’ Axiak u staqsietu dwar x’poteri għandha bżonn l-Awtorità biex tkun effettiva u ta’ servizz għall-ambjent u l-poplu. Dwar dan, hu qal li l-liġi li għaddiet, jiġifieri l-Environment Protection Act 2016, tagħti diversi poteri lil din l-Awtorità. “Naturalment dawn il-poteri għad iridu jkunu ddentifikati b’aktar reqqa mill-Legal Notices li għad iridu joħorġu.” Axiak kompla jgħid li, “dan huwa proċess normali iżda ċertament li dawn il-poteri għandhom jinkludu fost l-oħrajn li jsir żvilupp ta’ policies dwar l-immaniġjar tar-riżorsi ambjentali u għall-ħarsien ta’ dawn ir-riżorsi u li jsiru regolamenti dwar kif dawn il-policies jintlaħqu.” Bħala eżempju għal dan, Axiaq semma kif, għandu jkun f’idejn l-Awtorità li tiddetermina t-thresholds ta’ livelli ta’ kimiċi li jistgħu jintremew il-baħar, u livelli oħra. Dawn it-thresholds waqt li jridu jirrispettaw ir-regoli tal-UE, iridu wkoll jagħmlu sens għall-kuntest lokali.” Axiak żied jgħid li “l-Ministru Brincat ilu jagħmilha ċara li jrid li din l-Awtorità tkun verament strument li jwassal sabiex ikun salvagwardjat l-ambjent. Allura ma jistax jonqos li dawn il-poteri jingħatawlha.”

Dwar il-qasma tal-MEPA f’żewġ awtoritajiet: waħda għall-Ambjent u l-oħra għall-Ippjanar, Axiak qal, “Jien kont minn ta’ quddiem li ħassejt il-bżonn ta’ din il-qasma u esprimejt ruħi f’dan is-sens apertament. Li nista’ ngħid hu, li wara tliet snin bħala membru tal-Bord tal-MEPA, dan il-ħsieb dwar il-bżonn ta’ din il-firda mhux biss kiber, iżda kien issostanzjat minn diversi esperjenzi li kelli.  Inħossni ċert li jekk din l-Awtorità tingħata l-għodod neċessarji, mhux biss nies u riżorsi oħra, imma wkoll il-poteri li hemm bżonn, l-ambjent ikun moqdi ferm u ferm aħjar u dan għandu jwassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin. Fl-istess waqt, dan jista’ jsir b’mod li mhux biss jikkumplimenta l-bżonnijiet ta’ żvilupp ekonomiku bis-sens, imma anke jaqdi l-bżonnijiet soċjali tal-pajjiż.”

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Axiak x’se jkunu l-prijoritajiet tiegħu fil-ħidma fl-ewwel sena. Hu qal li l-ewwel irid jaċċerta li l-Awtorità tistabbilixxi ruħha bħala entità indipendenti li taqdi l-funzjonijiet tagħha bla kantunieri. “Imbagħad, apparti l-bzonn li jkollna prijoritajiet short-term u medium term, irridu nuru lil kulħadd il-bżonn li jkollna viżjoni ferm aktar fit-tul għall-immaniġjar bis-sens tar-riżorsi ambjentali tagħna. Din il-viżjoni forsi kienet nieqsa s’issa. Irridu naraw li kull deċiżjoni u kull azzjoni li nieħdu fuq xi każ jew ieħor, għandu jwassalna dejjem aktar għal din il-viżjoni fit-tul.”

Il-membri l-oħra tal- Awtorità huma Carmen Buttigieg bħala Viċi Chairperson u uffiċjal tal-politika soċjali, Alan Deidun bħala rappresentant tal-għaqdiet ċivili ambjentali, Alan Pulis, il-Professur Alfred Vella, Jason Bonnici, il-perit Ruben Abela, Dr Louise Spiteri, Alexia Pisani, u l-professur Maria Attard bħala rapresentanta tal-oppożizzjoni.

More in Politika