[Aġġornat] Is-CEO tal-Isptar t'Għawdex tammetti l-iżball u tassigura servizz tas-saħħa b'xejn

... wara li Chris Said jippublika ittra interna turi kif fl-Isptar t'Għawdex qed jintalab ħlas ta' €11.65 għal ċertu apparat mediku. L-ittra ssemmi pazjenti lokali u barranin

L-Isptar Ġenerali t'Għawdex
L-Isptar Ġenerali t'Għawdex

Fl-aħħar żvilupp dwar ħlasijiet għal ċertu apparat mediku fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex u b'risposta għall-ittra li żvela d-Deputat tal-PN Chris Said iktar kmieni illum (ara taħt) il-Kap Eċekuttiv tal-Isptar Nadine Delicata assigurat li dan kien żball ġenwin li kien indirrizzat immedjatament mit-tmexxija tal-Isptar. Delicata saħqet illi l-ebda Malti jew Għawdxi mhu se jintalab li jħallas u qalet ukoll li t-tmexxija tal-isptar hija nfurmata li l-ebda pazjent ma ntalab iħallas. 

L-ittra li Chris Said għadda lill-illum.com.mt
L-ittra li Chris Said għadda lill-illum.com.mt

B'risposta għal dak li qal l-Isptar Ġenerali t'Għawdex u li rraporta dan is-sit, rigward ħlasijiet fl-Isptar t'Għawdex, id-Deputat Nazzjonalista Chris Said ipproduċa ittra ffirmata minn Grace Cassar li turi kif fil-fatt qed jintalab ħlas ta' €11.65 għall-apparat magħruf bħala collar u sling.

Ilbieraħ dan il-ġurnal irraporta kif l-isptar t'Għawdex qal illi fil-fatt dawn il-ħlasijiet kienu għall-barranin u mhux għal pazjenti lokali. Iżda l-ittra tgħid "kunu ċerti li l-pazjenti kollha (lokali u barranin) li jingħataw dan l-apparat jintbagħtu l-uffiċċju tal-ħlas". L-ittra ta' Cassar tinforma li l-ħlas huwa ta' €11.65 għal kull oġġett. 

L-ittra tispiċċa billi tgħid li l-istaff kollu għandu jkun informat dwar dawn l-iżviluppi.

Kliem it-tmexxija tal-isptar kien illi "l-incident inqala’ wara li korrispondenza interna li kienet tirreferi għal pazjenti barranin ġiet interpretata ħażin". L-ittra f'idejn Said ftit tħalli għall-interpretazzjoni żżda. Il-kliem huwa ċar "local and foreign"

More in Politika